
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nixtieq l-ewwelnett nilqagħkom fil-Katidral, li hija l-Knisja omm tad-djoċesi tagħna. Intom tifhmu wkoll l-irwol sabiħ ilkoll li għandkom bħala membri tal-komunità tas-Seminarju minuri, ta’ din l-iskola, li hija wkoll responsabbiltà tal-Arċisqof. Din hija l-katedra tal-Arċisqof, huwa l-post minn fejn l-Isqof ikun ragħaj, għalliem, u qaddej.
Ġesù, fil-bidu ta’ din il-mixja tar-Randan, jikkumenta fuq it-tliet elementi importanti ta’ din il-mixja. Jitkellem dwar il-karità, jitkellem dwar it-talb, u jitkellem dwar is-sawm. L-ewwel tagħlima li jinsisti fuqha hija li dawn it-tliet atteġġjamenti, ġabra ta’ għemejjel u attitudnijiet, m’għandniex naddottawhom u nagħmluhom għal għajn in-nies, kif jgħid il-malti; imma l-uniku xhud veru tagħhom irid ikun Alla. Mela mhux għal wiċċ in-nies, imma bħala turija ta’ fedeltà lejn Alla li tant huwa fidil magħna, u jħobbna.

Ġesù lanqas irid li l-mixja tar-Randan tkun mument ta’ kastig tagħna nnfusna, imma trid tkun mixja sabiħa, mimlija bil-ferħ ta’ min jaf li fl-aħħar ta’ din il-mixja se jġedded il-magħmudija tiegħu. Il-Kelma ‘magħmudija’, bil-Grieg, ‘Baptizo’, huwa dak li bl-ingliż insejħulu ‘full immersion’. Aħna għandna l-kelma li ‘tgħaddas xi ħaġa’. U li inti titgħammed f’Ġesù, tfisser li inti tgħammar fih, u hu jgħammar fik.
Allura, dawn it-tlett atteġġjamenti tar-Randan, iridu jġeddu fina l-ispirtu ta’ Ġesù. L-ewwelnett l-ispirtu tal-karità jew l-imħabba. Li inti tħares lejn il-proxxmu, u nħarsu lejn xulxin bl-għajnejn tal-ħbiberija vera. Fejn hemm il-bżonn, u l-komunità skolastika kbira, jkollha l-bżonnijiet ġodda kuljum, nitfgħu fuq il-persuni u sitwazzjonijiet il-ħarsa ta’ mħabba. Mhux għal għajnejn in-nies, imma għaliex it-triq tal-karità u l-imħabba, hija t-triq tar-Randan, it-triq li minnha jrid jgħaddina Ġesù. Il-karità li ssir fil-moħbi, biex nuża’ l-Kelma ta’ Ġesù, mhux għax ħadd ma jkun jaf biha, għax inti qed tgħin lil xi ħadd konkrett; imma ma tagħmilhiex biex tidher. Ejjew nissaffew minn kull tip ta’ protagoniżmu f’dan ir-Randan.
It-tieni atteġġjament hu dak tat-talb. Li inti tiskopri li qiegħed jew qiegħda tgħix fil-preżenza ta’ Alla. Il-Papa Ljun XIV meta stqarr x’inhu dak li jimmotivah fil-ħajja spiritwali, il-qalba tal-ispiritwalità tiegħu, semma’ ktieb qasir, miktub fis-seklu 17 minn Karmelitan, minn Bro Laurence of the Resurection, li jitkellem fuq l-ispiritwalità li tgħix fil-preżenza ta’ Alla. Li inti tkun konxju, li Alla qed jitfa’ fuqek ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba, ta’ mogħdrija; imma wkoll qed jiggwidak, bħalma missier jiggwida lil ibnu u lil bintu; bħala omm, li tagħti kelma ta’ għerf, u ta’ mħabba lil uliedha. Dan huwa Alla fir-relazzjoni tiegħu magħna; u aħna, fit-talb, nidħlu fil-preżenza tiegħu. Ġesù jitkellem fuq il-kamra ta’ ġewwa tiegħek, l-intimità veru tiegħek. Mhux il-pjazzez għal għajn in-nies, imma l-intimità tiegħek, personali. U tinduna bl-imħabba ta’ Alla għalik, u tħobbu lura. S-suġġeriment tiegħi huwa, li f’dan ir-Randan, nidħlu f’din il-preżenza sabiħa ta’ mħabba, ta’ mogħdrija, u ta’ ħniena. Ukoll niddjalogaw ma’ Alla, mhux kwistjoni ta’ talb ippreparat minn xi ħadd ieħor; it-talba li Alla jippreferi hija t-talba tal-qalb, li f’post, fejn int tħossok f’intimità miegħu: ħdejn il-baħar, fil-kampanja, fi Knisja, fil-kamra tiegħek, inti tiftaħ qalbek ma’ Alla, li jħobbok.

It-tielet u l-aħħar triq tar-Randan hija dik tad-dixxiplina fuqna nnfusna. Is-sawm wara kollox, mhux kwistjoni biss ta’ nuqqas ta’ ikel. Ħafna dietitians jgħidulna biex nagħmlu hekk, m’hemmx għalfejn nistennew ir-Randan. Mhux kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ikel, imma kwistjoni ta’ dixxiplina fuqna nnfusna. Kulħadd għandu areas fil-ħajja tiegħu, fejn jekk irridu nkunu onesti magħna nnfusna, għandna bżonn nużaw naqra iżjed dixxiplina, naqra iżjed rażan, naqra iżjed kontroll: il-ħarsa ta’ għajnejja, il-kelma ta’ fommi, il-preżenza fuq il-midja soċjali, dak kollu li jista’ jwassalna għall-addictions, li minflok jibnuna, ikissruna. Għaliex is-sawm għandu dan l-aspett pożittiv ħafna, u għalhekk huwa neċessarju. Dak kollu li huwa rażan m’għandux ibeżgħana; imma għandu jistedinna biex nissaffew tassew.
Is-sawm huwa d-detox tagħna. Issa jekk timxix mal-programm jew le, issa dik f’idejna. Min ikun qed jagħmel il-programm tar-reabilitazzjoni mid-droga, jitkellmu fuq il-konsegwenza, mhux fuq il-kastig; biex titgħallem li tagħmel x’tagħmel, għandu konsegwenza tiegħu. U aħna tajjeb li nirriflettu fuq il-konsegwenzi ta’ dak li naħsbu, ta’ dak li ngħidu, ta’ dak li nagħmlu. U fejn huwa tajjeb inberkuh, u fejn qed ikissirna jew lil ħaddieħor, inrażnuh; dan hu l-veru sawm.
Bħalma smajna fl-ewwel qari, s-sawm huwa: “ċarrtu qlubkom, u mhux ilbieskom” (Ġoel 2:13). U Ġesù jinsisti lis-sawm mhux kwistjoni li ddendel geddumek, biex jaraw kemm hu sajjem; imma bil-ferħ: “meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek” (Mt 6:17). Indilek biż-żejt ifuħ tas-salvazzjoni, li qed tittrażan u tissaffa minn dak kollu li jbegħdek minn Alla. Nawguralkom u nawgura lili nnifsi wkoll, li din il-mixja tar-Randan, tkun mixja sabiħa.

Minn hawn u ftit ieħor se nagħmlu rit antik, fejn inbierek l-irmied, l-indikazzjni li jkun l-irmied taż-żebbuġ li tbierek f’Ħadd il-Palm tas-sena li għaddiet, u nroxxuh fuqna. Hemm żewġ talbiet, jiena nippreferi dik li tfakkarna li għandna bżonn nikkonvertu: ‘Indmu u emmnu fil-bxara t-tajba’. Għaliex għalkemm huwa rit penitenzjali, li jiena nirċievi fuq rasi rmied; imma qed ifakkarni wkoll f’messaġġ sabiħ: bxara tajba, li Alla jħobbni. Wara kollox, l-irmied kien ukoll element li jintuża fil-ħasil, id-detergent l-antik; allura l-irmied mhux biss negattiv ta’ xi ħaġa li spiċċat. Talba oħra li ngħidu hija: ‘Ftakar bniedem, li int kont trab u lejn it-trab terġa’ tmur’. Kif tafu, jiena għandi talba ċkejkna, u nħobb ngħallimha, għax din xi darba se nsiru trab, irridu u ma rridux; imma jien ngħidlu: ‘meta trid, imma m’iniex mgħaġġel’. Imma llum niftakru, li mgħaġġlin jew le, jasal il-mument, u allura tajjeb li dak li għandi nagħmel, nagħmluh issa. Hemm ċertu urġenza: Indmu, bidlu naqra l-fehma tagħkom, jekk hemm bżonn bidlu d-direzzjoni tagħkom, u emmnu fil-Bxara t-Tajba.
Din hija xi ħaġa li kulħadd jista’ jagħmilha llum. U waqt li nitilgħu, u nirċievu dan is-sinjal ta’ penitenza, ta’indiema, imma wkoll ta’ tama; ejjew nitolbu li l-mixja tar-Randan, tkun mixja ta’ karità, ta’ talb, u ta’ penitenza, ta’ rażan u ta’ sawm, li tkun mixja tassew sabiħa. Nitlobkom ukoll li fil-ġranet li ġejjin, mal-istudenti tagħna, mal-komunità tagħna, ikun hemm dan l-atteġġjament sabiħ.

Min jistaqsikom: għaliex għandna ir-Randan? Din is-sena r-Randan tagħna se jikkonċedi mar-Ramadan tal-Misilmin; is-sawm tagħna nagħmluh b’mod differenti, l-atteġġjament huwa differenti; imma għandna wkoll reliġjon qawwija importanti li tivvalorizza dan il-mument, fejn il-bniedem jiċċaħħad għall-valur ogħla. U ta’ min, nikkatekizzaw ukoll lill-istudenti tagħna fis-sinjifikat profond u sabiħ tar-Randan Imqaddes.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Responsorju: Salm 50(51):3-4,5-6a,12-13,14,17
Qari II: 2 Kor 5:20–6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18




