L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kienu moħħhom fih” (Lq 6:7). Hekk naqraw fuq il-kittieba u l-Fariżej li kienu fis-sinagoga qegħdin jisimgħu lil Ġesù jgħallem. Kienu moħħhom fih għax kienu attenti għat-tagħlim tiegħu? Xejn minn dan! L-Evanġelju jgħid li kienu moħħhom fih għax fis-sinagoga kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa, u huma bdew jaħsbu: naħseb dan se jfejqu! U qagħdu attenti biex jaraw x’se jagħmel.
X’għamel Ġesù? Ġesù lanqas stenna li dar-raġel jitolbu hu biex ifejqu. Imma Ġesù li, kif naqraw fl-Evanġelju, “għaraf ħsibijiethom” (Lq 6:8), kien jaf x’qed jaħsbu u għaliex, lir-raġel qallu biex joħroġ fin-nofs. Dar-raġel ħareġ fin-nofs. Kien jaf Ġesù li b’dak li kien se jagħmel, kienu se jirrabjaw, imma ħareġ lir-raġel fin-nofs, u hemm fejqu quddiem kulħadd.
Kienet ħaġa ħażina li jfejqu? Le. Imma dawn ma ridux lil dar-raġel ifiq għax kellhom qalbhom iebsa? Mhux eżatt. Imma għax dawn f’moħħhom kellhom dejjem il-preokkupazzjoni ta’ Jum is-Sibt. Għalihom is-Sibt kien jum qaddis, imma kien ifisser ukoll li ma għandekx tagħmel ħafna affarijiet biex tqaddes dan il-jum, għalhekk lanqas li tiġi biex tfiq. Fil-fatt, f’post ieħor fl-Evanġelju skont San Luqa, hemm il-kap tas-sinagoga, li jgħid lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem. Mela fihom ejjew biex titfejqu, mhux is-Sibt” (Lq 13:14).
Imma nafu li Ġesù ried iwassal messaġġ qawwi mhux biss hawnhekk imma f’din l-okkażjoni wkoll fis-sinagoga – messaġġ lill-kittieba, lill-Fariżej u lin-nies kollha. L-ewwel ħaġa li ninnutaw f’Ġesù hu li ma ħalliex lilu nnifsu jkun ikkundizzjonat minnhom. Kien jaf x’qed jaħsbu, kien jaf li se jirrabjaw – fil-fatt l-Evanġelju jgħid, aktar ’il quddiem, li “xegħlu bil-korla” (Lq 6:11) – imma ma ħalliex din teffettwah jew tagħmel xi pressjoni fuqu. Jekk irid jagħmel il-ġid, se jagħmel il-ġid minkejja dak kollu li huma jaħsbu. Fil-fatt, fejqu quddiemhom. Imma Ġesù ried jagħti wkoll messaġġ importanti rigward Jum is-Sibt. Jum is-Sibt veru kien jum qaddis, bħalma aħna llum għandna l-Ħadd Jum il-Mulej, imma jum qaddis ifisser li dak li tagħmel tagħmlu biex tigglorifika lil Alla, u li bniedem ifiq hu okkażjoni ta’ glorifikazzjoni lil Alla. Dawn qalbu s-Sibt rasu ’l isfel b’ħafna regolamenti li tilfu s-sinifikat l-iktar importanti tas-Sibt. Dan hu l-messaġġ qawwi li ried iwassal Ġesù wkoll.
X’jgħid l-Evanġelju lilna, fil-ħajja tagħna? L-ewwel nett importanti li aħna ma nħallux lil min jikkundizzjonana biex ma nagħmlux il-ġid, bħalma dawn kienu moħħhom f’Ġesù u kienu qishom qed jippruvaw jagħmlu pressjoni fuqu. Aħna ma għandna nħallu lil ħadd u lil xejn ifixkilna milli nagħmlu l-ġid, milli ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Imbagħad il-kriterju għall-ħajja tagħna jagħtihulna Ġesù nnifsu, meta jgħid: X’jiswa li tagħmel? “Tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” (Lq 6:9). Dan hu kriterju li għandu jmexxina fil-ħajja tagħna: li aħna nagħmlu l-ġid, mhux id-deni; u li nagħmlu kollox biex nipproteġu u nsalvaw il-ħajja, b’ebda mod ma neqirduha. Meta nisma’ dan il-kliem ta’ Ġesù, jiġini f’moħħi u nixtieq nagħmel appell lil dawk li qed isibu l-ħajja iebsa biex ikomplu jgħixuha: fittex l-għajnuna, hemm ħafna nies li lesti biex jgħinuk. Il-ħajja tiegħek għandha valur, hija prezzjuża! Qatt tarmi lilek innifsek.
Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna jkollna dan l-ispirtu ta’ Ġesù fina, jiġifieri l-ispirtu ta’ mħabba u ta’ għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn. U li jmexxina dejjem dan il-kliem tiegħu: li f’ħajjitna nfittxu li nagħmlu l-ġid, u qatt id-deni; li nsalvaw il-ħajja, u qatt li neqirduha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Photo by Julissa Helmuth