Il-President ta’ Malta, Dr George Vella inawgura proġett infrastrutturali tat-Teknoloġija tal-Informatika tal-ogħla livell fid-Dar tal-Providenza nhar it-Tlieta 10 ta’ Marzu 2020. Il-proġett sar b’investiment ta’ €100,000 u ’l fuq minn 2,000 siegħa volontarjat. Sar xoghħol estensiv ta’ networking fejn inbidlet l-infrastruttura kollha tal-ICT fil-11-il blokk li hemm fid-Dar u ddaħħal WiFi fil-kumpless kollu tas-Siġġiewi.
Id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef qal li grazzi għall-MITA Cares, id-Dar se tgawdi minn dan il-proġett speċjalment ir-residenti kif ukoll tiżdied l-effiċenza amministrattiva.
“Illum”, tenna Fr Martin, “qegħdin ninawguraw twettiq ta’ ħolma li kellna imma li żgur li mingħajr il-MITA Cares ma setgħetx tkun irrealizzata.” Fr Martin żied jgħid li meta l-MITA emmnet fl-importanza ta’ dan il-proġett kienet qed turi li temmen f’dak li tesiġi l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li tagħha Malta hija firmatarju, jiġifieri li l-istati membri jridu jippromwovu aċċess lill-persuni b’diżabbiltà għal teknoloġiji u sistemi ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-internet.
Fr Martin irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna li ngħatat mill-MITA mill-ħaddiema kollha tagħhom li ħadmu b’qalb kbira, bi professjonalità kbira u anke b’mod volontarju fuq dan il-proġett. Temm billi irringrazzja lill-President Dr George Vella għall-preżenza tiegħu.
Waqt l-inawgurazzjoni tkellmu l-koordinatur tal-proġett Wayne Valentine, Tony Sultana, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MITA; is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo u l-President Dr George Vella li għamel id-diskors tal-għeluq.