Rajtek ħdejn il-bieb biswit il-kappella
F’kuritur mimli b’nies ilkoll għaddejjin,
Fraħna ħafna meta erġajna ltajna
Wara waqfa ta’ tant żmien, it-tnejn sejrin.
Ħelu l-kumment tiegħek li kkummentajtli
Biex nieħu ħsieb dik iż-żaqq li tant tidher,
Kull telespettatur għid li se jaraha
W jien erħili ngħidilhom: “Kemm qed nikber”.
Imbagħad kif id-diskors dar bħaċ-ċirasa
U fettilli nsaqsik dwar l-għeżież tiegħek,
Hemmhekk gelgel minn għajnejk dmugħek ħelu
Kollu mrar, x’toqol kbir qed iġġorr miegħek.
Nifhem li dan iġagħlek tħossok żgħira
Forsi mgħaffġa u mgħattna taħt dan il-piż,
Imma oħti nammirak għalkemm tweġġa’
Tibqa’ tittama għalkemm qiegħdha fil-griż.
Ibqa’ miexja, tinkwetax, għad jikkallma
Dal-baħar ikraħ li tinsab ruħek fih,
Għad jidħru fis-sema mħawwad il-kwiekeb
Għad tfeġġ għalik ix-xemx li tagħtik mistrieħ.
Għalik nitlob ħalli dejjem ikollok
Dik l-imħabba li fil-fond kbir ta’ qalbek,
Oh kemm tħoss fuq li tħoss li għandek wisq bżonn
Ibqa’ biss miexja warajH, titlifx għaqlek.
U b’dak is-sabar li qed jitgeżwirlek
Waqt li qed tagħti l-ewwel pass imbiegħed,
Ħallieh jgħallmek dwar min tassew iħobbok
Ħa jkun xhud dak li ħabbejt, id-dmugħ tiegħek.
Patri Mario Attard OFM Cap