• Nhar il‑Ġimgħa 25 ta’ Marzu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din il‑liturġija, f’jum il‑Ġimgħa l‑Kbira, inkludiet ir‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑Adorazzjoni tas‑Salib u t‑Tqarbin.

    The Liturgical Action on YouTube

     
  • Lorem ipsum dolor sit amet,consectetur adipiscing elit. Nunc nec nisi nec dolor facilisis convallis. Maecenas faucibus luctus est et vulputate. Sed dictum dapibus eros, eget sodales libero ullamcorper vitae. Praesent quis cursus lacus, nec vulputate orci. Suspendisse sed enim varius, pharetra est a, egestas libero. Quisque at urna libero. Aenean mauris nisi, egestas nec varius porta, eleifend sed magna. Quisque at tempor sem.
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Kon-Katidral ta’ San Ġwann
    25 ta’ Marzu 2016
    “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?” (Ġw 18, 17). Din hija d-domanda li għamlu lil Pietru fil-bitħa tal-palazz ta’ Anna, missier il-mara tal-qassis il-kbir Kajfa. “Inti m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu? Pietru jiċħad, jiċħad u jgħid: “Le, m’iniex” (Ġw 18, 25) u jagħmel hekk għal tliet darbiet.
    Din il-mistoqsija llum titpoġġa lilna “inti m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?” Ir-risposta tagħna x’se tkun? Faċli nitkażaw b’Pietru imma min jaf kemm-il darba quddiem għażliet għamilna bħalu, ċħadna li aħna dixxipli tiegħu. Ġuda ttradih għall-flus, Pietru ċaħdu minħabba l-biża’ u l-poplu tiegħu lissen dik is-sentenza terribbli: “Aħna m’għandniex sultan ħlief lil Ċesari” (Ġw 19, 15). Alla tagħna m’għadux is-sultan tagħna, is-sultan tagħna huwa l-Istat, is-sultan tagħna huwa l-awtorità ta’ din id-dinja. Hija ċaħda oħra u fl-istorja, Ġesù jiġi ttradut, jiġi miċħud, jiġi rinnegat mill-poplu għal darba, darbtejn tlieta u iżjed.
    Imma m’hemmx biss din it-traġedja ta’ tradiment fl-Evanġelju tal-passjoni, hemm ukoll il-preżenza siekta ta’ min isegwi lil Ġesù bil-fedeltà. Hemm Ġwanni li jidħol fil-bitħa ta’ Anna l-qassis il-kbir u li jsegwi lill-Mulej sa’ taħt is-salib fejn hemm Ommu wkoll u xi nisa twajbin, inkluż Marija ta’ Magdala. Dawn huma n-nies li fir-rakkont tal-passjoni jfissru solidarjetà, fedeltà, u aħna nħarsu lejhom biex jagħmlulna kuraġġ.
    Lil Ġwanni, Ġesù jafdalu l-ikbar teżor li kellu fid-dinja, lil Ommu: “Hawn hi ommok”. Hu u jindikalha lil Ġwanni jgħidilha: “hawn hu Ibnek” (ara Ġw 19, 26-27), id-dixxiplu leali u fidil li jidħol parti mill-familja intima ta’ Ġesù u lil din l-armla ta’ Nazaret jiggarantilha futur għax dan kien ir-rwol tal-Iben.
    Hemm ukoll Ġużeppi ta’ Arimatija li jitlob il-ġisem ta’ Ġesù mingħand Pilatu. Hemm ukoll Nikodemu li jissemma tliet darbiet fl-Evanġelju ta’ San Ġwann: fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù bil-lejl meta l-Mulej jgħallmu fil-bżonn li nitwieldu mill-ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 3, 5). It-tieni darba jissemma meta jaqbeż għal Ġesù u jgħidlhom: “ma nistgħu nikkundannaw lil ħadd qabel nisimgħuh. Inti jaqaw wieħed mis-segwaċi tiegħu?” tkun ir-risposta (ara Ġw 7, 50-52). U t-tielet darba meta jġib kwantità enormi, enormi ta’ fwejjaħ għad-difna ta’ Ġesù (Ġw 19, 39). Din il-kwantità hija bħal dik li kienet tintuża’ għad-difna tar-re. Bil-ġest tiegħu, Nikodemu jirripara għaċ-ċaħda tal-poplu tiegħu stess. Il-poplu li ċaħad lill-Messija bħala re, minn fostu stess għandu wkoll min jirrikonoxxi r-regalità tal-Mulej fid-difna tiegħu.
    It-titulus, il-kundanna ta’ Ġesù, hija kundanna universali, tiġi ddikjarata bi tliet lingwi internazzjonali: bil-lingwa tal-post bil-Lhudi, bil-Latin, u bil-Grieg. Hija kundanna quddiem il-poplu ta’ Alla. Hija kundanna quddiem l-imperu. Hija wkoll kundanna quddiem id-dinja tal-kultura, li kienet titkellem bil-Grieg. L-istess kundanna tgħid il-verità: Ġesù ta’ Nazaret is-sultan tal-Lhud. Meta l-Lhud jgħidulu: “ma  kienx imissek tikteb ‘is-Sultan tal-Lhud’, imma li dan qal: ‘jien is-sultan tal-Lhud’” jiġifieri pretensur dan, “issa li ktibt ktibt!” (Ġw 19, 21-22), ir-risposta kienet ta’ wieħed li ftit jimpurtah. Wara din ir-risposta ta’ Pilatu, hemm ironija kbira għaliex hu, mingħajr ma jaf, ħabbar il-verità li kien ċaħad il-poplu, imma li Nikodemu  jirripara u jikkomferma: dan hu s-sultan, is-sultan tal-Lhud. Huwa Sultan tal-imħabba, Sultan ġwejjed u umli – inti m’intix dixxiplu tiegħu?
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Curia Communications Office