L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna, wieħed mis-sinjali li jagħtina l-Evanġelju skont San Ġwann, kien jinqara sa mill-bidu lill-katekumeni, dawk li kienu għażlu li jsiru Nsara u kienu qed iħejju ruħhom biex jitgħammdu fl-Għid Imqaddes.

L-għażla ta’ dan ir-rakkont hija ovvja. Il-Mulej jiltaqa’ ma’ raġel li kien għama mit-twelid u jagħtih id-dawl. Jagħtih id-dawl fiżiku, il-kapaċità li jara, imma wkoll iżejnu bid-don tal-fidi. Lejn l-aħħar tad-djalogu li għadna kemm smajna f’dan l-Evanġelju minn Kapitlu 9 ta’ San Ġwann, Ġesù jistaqsi lil dan ir-raġel: “Temmen inti?” (Ġw 9:35), temmen inti? “Iva nemmen” (Ġw 9:38) u dan ir-raġel li kien iddefenda lil Ġesù quddiem il-Fariżej, jinżel għarkupptejh quddiem il-Mulej.

Din fiċ-ċirkustanzi li qegħdin, nixtieq nieqaf ftit fuq djalogu li hemm fil-bidu ta’ din is-silta tal-Evanġelju, djalogu bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Ġesù kien għaddej, jilmaħ raġel għama minn twelidu u d-dixxipli tiegħu jistaqsuh: ‘Rabbi, dan twieled għama għax dineb hu stess jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?’” (Ġw 9:1-2). X’inhi din id-domanda?

Id-dixxipli qegħdin jirriflettu u jesprimu l-mentalità ta’ żmien Ġesù, mentalità qawwija li sfortunatament għadha ma telqitniex: li dak kollu li jiġi fuq il-bniedem: mard, għawġ, karistija huwa kastig ta’ Alla għad-dnub li jkun għamel. Il-Lhud ta’ żmien Ġesù meta kienu jaraw xi ħadd li għandu marda, b’mod speċjali l-lebbra imma anke li jkun nieqes mid-dawl, mis-smigħ, kienu jaħsbu mill-ewwel li dan huwa infeliċi u qed jieħu kastig li ħaqqu. “Dan twieled għama għax dineb hu jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” (Ġw: 9:2).

Ġesù jagħti risposta li aħna għandna bżonn f’dan iż-żmien ukoll. “Mhux għax dineb hu jew l-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih” (Ġw 9:3). Ġesù jkeċċi ’l barra kull idea li dak kollu li f’għajnejna jidher żvantaġġ, sitwazzjoni diffiċli, mhuwiex ġej minn qalb iebsa ta’ Alla li jieħu gost jikkastiga lil xi ħadd. Iċ-ċirkustanzi anke diffiċli, għal Ġesù jsiru mezz biex l-għemil ta’ Alla jidher fina. U x’inhu l-għemil ta’ Alla li hemm bżonn jidher fina f’dawn il-ġranet?

Jiena nixtieq niġbor dan l-għemil fil-kelma ‘għożża’. Aħna nuru l-għemil ta’ Alla fina fiċ-ċirkustanzi iebsa li qegħdin ngħaddu minnhom, jekk ngħożżu lil xulxin, jekk nieħdu ħsieb xulxin, jekk nobdu l-indikazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa u nevitaw l-kuntatt mhux neċessarju, anzi kull kuntatt, għall-ġid komuni u għas-saħħa ta’ kulħadd.

Kemm tkun sabiħa li aħna … meta nsarrfu l-ġesti tagħna f’ġesti ta’ solidarjetà, ninfatmu mill-egoiżmu naturali tagħna li twelidna bih, u nħarsu lejn ħutna kif jarahom Alla.

Ħafna drabi ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom jista’ jkollhom kawżi differenti, naturali jew inġibuhom b’idejna. Alla se jirrispetta l-konsegwenzi ta’ dak li nkunu ġibna b’idejna imma se jagħtina l-qawwa, dawl ġdid biex fir-reazzjoni tagħna, il-mod kif inġibu ruħna, jidher ukoll l-għemil tiegħu fina, l-għemil tiegħu li huwa mħabba. Il-Mulej jagħti d-dawl fiżiku lil dan ir-raġel imwieled għami u jagħtih ukoll id-dawl tal-fidi. Jagħtih mod ġdid kif jara l-ħolqien u ċ-ċirkustanzi ta’ madwaru.

Ejjew nitolbu biex f’dawn il-ġranet li fihom l-Istat, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jitolbu minna  sagrifiċċji kbar li nibdlu l-istil ta’ ħajjitna, li ninġabru fi djarna, li niċċaħħdu minn tant affarijiet għeżież għalina, inkluż il-mod kif nesprimu r-reliġjożità tagħna, il-fidi tagħna – nieħdu dawn l-okkażjonjiet biex nibdew naraw id-dinja, il-ħajja tagħna b’mod iżjed essenzjali, b’mod ta’ vera.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li nieħdu din l-opportunità, li ċ-ċirkustanzi qegħdin jgħadduna minnhom biex nifhmu li anke fil-wied mudlam, Alla huwa d-dawl tagħna, kif aħna kantajna fis-Salm Responsorjali. Id-dawl juri kollox għax kulma jidher hu dawl għalhekk jingħad: “Stenbaħ int li int rieqed u qum mill-imwiet ħa jiddi fuqek Kristu” (Ef 5:14).

Kemm tkun sabiħa li aħna wkoll, li mingħalina naraw u nifhmu ħafna, inħallu l-għemil ta’ Alla jidher fina, meta nsarrfu l-ġesti tagħna f’ġesti ta’ solidarjetà, ninfatmu mill-egoiżmu naturali tagħna li twelidna bih, u nħarsu lejn ħutna kif jarahom Alla. Dan huwa d-dawl li llum nixtiequ nitolbu mingħand il-Mulej Ġesù.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta 

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Sam 16, 1b.6-7.10-13a
Salm: 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
Qari II: Ef 5, 8-14
Evanġelju: Ġw 9, 1-41