Il-Kattoliċi madwar id-dinja qed jingħaqdu biex jitolbu r-Rużarju għall-paċi f’pajjiżi mifnija mill-gwerra, speċjalment matul ix-xahar ta’ Ottubru, li l-Knisja tiddedika għar-Rużarju Mqaddes.
Il-Papa ħabbar dan fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa. Huwa qal li l-fidili se jinġabru fi Pjazza San Pietru fil-11 ta’ Ottubru fis-6.00pm.
“Nistieden lil kulħadd, ta’ kuljum fix-xahar li ġej, biex nitolbu r-Rużarju għall-paċi – waħedna, fil-familja, u fil-komunità”, huwa qal.
Il-Papa stieden ukoll lill-impjegati tal-Vatikan biex jitolbu r-Rużarju ta’ kuljum fil-Bażilika ta’ San Pietru fis-7.00pm matul Ottubru.
Huwa u jsellem lill-pellegrini Portugiżi, il-Papa Ljun ilmenta dwar ir-“rovini mfarrka mill-mibegħda qattiela”.
Stieden lill-Insara jaqsmu mal-oħrajn “l-imħabba ta’ Ġesù li ddawwal u terfa’ l-umanità”.
Ir-Rużarju għall-Paċi se jinżamm matul il-Ġublew tal-Ispiritwalità Marjana, li se jsir bejn il-11 u t-12 ta’ Ottubru. Dik il-ġurnata timmarka s-63 anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, li l-Papa San Ġwanni XXIII fetaħ fil-11 ta’ Ottubru 1962.
Ix-xbieha oriġinali tal-Madonna ta’ Fatima se tkun fi Pjazza San Pietru għat-talba tar-Rużarju u l-Ġublew tal-Ispiritwalità Marjana.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Francesco Pio Attard