L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Ġesù għajjien kif kien mill-mixi” (Ġw 4:6). L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibda b’din is-sitwazzjoni ta’ Ġesù li flimkien mad-dixxipli qed iterraq, jiġi f’belt tas-Samarija u jaqbdu l-għatx. Id-dixxipli jmoru l-belt jixtru x’jieklu. Hi sitwazzjoni tagħna l-bnedmin tal-għatx u l-ġuħ.
Hawnhekk b’dan id-dettall l-evanġelista jurina min hu Bin il-bniedem, min hu Ġesù. Hu bniedem imma dak li għandu joffri jmur ’l hemm minn dak li jidher. Din il-mara Samaritana tara quddiemha raġel bil-għatx: “Agħtini nixrob” (Ġw 4:7). Imma dak li għandu x’joffrilha jmur ’l hemm mill-għatx ta’ din il-ħajja li aħna nħossu, ta’ bnedmin li aħna, mill-ġuħ ta’ din il-ħajja li aħna nħossu ta’ bnedmin li aħna.
“Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘agħtini nixrob’, kieku inti kont titolbu u hu kien jagħtik ilma ħaj” (Ġw 4:10). Nixtieq nieqaf ftit fuq din il-kelma ta’ Ġesù, li għalkemm suppost nafu r-risposta tagħha, tajjeb li f’dan ir-Randan nieqfu ftit fuqha. Ġesù qed jistaqsi lili u lilek: “Imma inti taf id-don li jiena lest nagħtik? Inti taf x’nista’ noffrilek jien? U tafni?”
Jiena naħseb li dawn huma żewġ mistoqsijiet li rridu nerġgħu nagħmlu f’dan ir-Randan imqaddes u ningħaqdu wkoll ma’ ħutna li ltaqgħu ma’ Ġesù, qed ifittxuh u jixtiequ qed jagħmlu deċiżjoni importanti f’ħajjithom li jsiru Nsara, li jsiru parti mill-familja ta’ Ġesù, li qegħdin jagħrfu li Ġesù jista’ jagħtihom xi ħaġa li ma ssibha mkien, li hu xi ħadd li m’hawnx bħalu.
“Kieku kont taf id-don ta’ Alla”. Id-don ta’ Alla wkoll hu kelma oħra l-Ispirtu qaddis tiegħu, l-Ispirtu s-Santu. “U min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘agħtini nixrob’?” X’konna nagħmlu? Inti kont titolbu u aħna hekk irridu nagħmlu llum ukoll. Hu li qed jgħidilna: “għandi l-għatx” kelma li tfakkarna wkoll fil-kelma tiegħu fuq is-salib: “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28).
Anke dak il-mument kienet is-sitt siegħa. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna li dan il-kollokju mas-Samaritana sar fis-sitt siegħa (Ġw 4:6). U l-Evanġelju, meta jitkellem fuq il-Ġimgħa l-Kbira wkoll jagħtina d-dettall tas-sitt siegħa meta sallbu lil Ġesù, meta qal: “Għandi l-għatx”, l-għatx fiżiku li jsir ukoll għatx għall-imħabba tagħna u li juri wkoll għatx kbir biex iħobbna.
Il-Mulej jispjega x’inhu dak li jista’ joffri. Juża l-istess element li ġej mill-bir ta’ Ġakobb, post għażiż ħafna għall-poplu Lhudi anke għax dan il-bir li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi hu espressjoni tal-imħabba ta’ Ġakobb u memorja ta’ kemm dan il-missier tal-poplu Lhudi li kien jismu Iżrael, Ġakobb Iżrael, li ta lil Ġużeppi dak li ġie ttradut minn ħutu imma sar ukoll mezz ta’ salvazzjoni għal ħutu bħalma sar ukoll Ġesù għal kull wieħed u waħda minna.
“Kull min jixrob minn dan l-ilma” tal-bir qed jgħidilha, “jerġa’ jagħtih l-għatx imma min jixrob mill-ilma li se nagħtih jien, qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:13-14). Ġesù qed jitkellem fuq dan id-don sabiħ, aħna nsejħulu d-don tal-fidi. Imma xi jkun? Din il-kapaċità li poġġa fina li aħna nirrispondu bi mħabba għall-imħabba li wera magħna u li tagħti togħma speċjali lill-ħajja tagħna. Hi wkoll d-don tal-ispirtu qaddis tiegħu li fil-qalb tagħna jsir għajn tal-ilma li jwasssal sal-ħajja ta’ dejjem.
Min jitbiegħed minn Ġesù qisu siġra mingħajr ilma. Ippruvaw ħallu pjanta d-dar mingħajr ma ssaqquha u araw x’jiġrilha, tkun xi tkun. Tgħidli: ‘għandi kaktus’. Ninsew naqra l-kaktus imma anke dak irid ftit nida. Ħa nieħdu pereżempju l-galletta; aħna l-Qriema nħobbuhom ħafna. Mhux dawk li jittieklu, il-pjanta. Din jekk ma tagħtihiex naqra ilma kuljum mill-ewwel tgħidlek. Tbaxxi l-weraq tagħha u mingħajr ma tkellmek tgħidlek ‘għandi l-għatx’.
Immaġina l-ħajja tiegħi u tiegħek mingħajr ilma. Hekk jiġrilna, l-aħwa. U Ġesù, biex qed juża dix-xbieha biex aħna nifhmu li mingħajru l-ħajja ma tkunx l-istess, li mingħajr il-maħfra tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-kelma tiegħu, il-ħajja ma tkunx l-istess. Immaġina meta tiftakar fil-Mulej li tant iħobbok, li jixtieq jekk inti pjanta, li dejjem ikollok l-ilma li għandek bżonnn, mhux iż-żejjed, l-ilma li għandek bżonn biex tibqa’ tgħix u tieħu r-ruħ. Kemm hi sabiħa din l-espressjoni li għandna bil-Malti: ‘tieħu r-ruħ’. Għalhekk jixtieq ħafna.
Dan hu l-għatx li għandu Ġesù llum u lis-Samaritana jikkonvertiha, juriha li l-ħajja tagħha għandha fejn tkun aħjar. Din kienet mara li ħabbet ħafna. Jekk ngħodd sew kellha ħamest irġiel, kienet ma’ ieħor u ma kienx ir-raġel tagħha jgħidilha Ġesù (ara Ġw 4:18), jiġifieri kienet bniedma kapaċi tħobb u Ġesù qed jgħallimha kif tħobb ta’ vera. Innutaw li hi ħin minnhom, meta tmur u tgħid lin-nies tar-raħal, tinsa l-ilma li ġabret minn ħdejn il-bir u tgħidilhom li sabet xi ħadd speċjali, profeta, imma tgħid: “Hu l-Messija?” (Ġw 4:29).
Il-konklużjoni ta’ dan l-Evanġelju tgħarrafna min hu Ġesù. “Issa mhux għax għidtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja” (Ġw 4: 42). Is-Salvatur tad-dinja!
Innutaw li nemmnu għaliex smajnieh u sirna nafu. Jalla f’dawn il-ġranet tar-Randan aħna nagħtu ċans biex nisimgħuh, insiru nafuh, nemmnu fih. “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, int kont titolbu u hu jagħtik ilma ħaj” (Ġw 4:10).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 17:3-7
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
Qari II: Rum 5:1-2,5-8
L-Evanġelju: Ġw 4:5-42