
Fost 170 kardinal miġburin fil-Vatikan, il-Papa Ljun XIV saħaq li dan il-konċistorju straordinarju se jservi biex ikun jista’ jisma’.
Il-konċistorju straordinarju sejjaħ lill-kardinali kollha minn madwar id-dinja, li ħafna minnhom ħadu sehem fir-rit tal-għeluq tal-Bieb Imqaddes u l-Quddiesa tal-Epifanija, sabiex jingħaqdu mal-Papa sabiex jiddiskutu temi importanti relatati.
Wara li ntalbet it-talba tal-Veni Cretaor Spiritus fis-Sala tas-Sinodu, il-kardinali flimkien mal-Kap Pontifiċju pproċedew għall-format sinodali tal-imwejjed tondi fl-Awla Pawlu VI.
Fl-indirizz introduttorju tiegħu, il-Papa saħaq li “Jien qiegħed hawn biex nisma’.”
Kompla li “bħalma tgħallimna matul iż-żewġ assemblei tas-Sinodu tal-Isqfijiet fl-2023 u l-2024, id-dinamika sinodali timplika smigħ per eċċellenza. Kull mument ta’ dan it-tip huwa opportunità biex ninżlu fil-fond sabiex napprezzaw is-sinodalità.”
Il-Papa sejjaħ il-konċistorju bħala mument sinifikanti u semma’ li dan il-mument se jkun wieħed li fih se juri f’liema linja jixtieq jindirizza l-pontifikat tiegħu.
“Din il-ġurnata u nofs flimkien se jindirizzawna għat-triq ‘il quddiem. Ma għandniex naslu biss għal xi test, imma biex inkomplu konverżazzjoni li se tgħinni nservi l-missjoni tal-Knisja kollha.”

Il-Papa juri xewqa għall-komunjoni bejn il-Kardinali
Il-Papa Ljun wieġeb b’mod ċar għat-tħassib li kien espress waqt il-kongregazzjonijiet ġenerali qabel il-konklavi ta’ Mejju tal-2025, fejn kien ġie nnutat li ħafna mill-kardinali ma kinux jafu lil xulxin biżżejjed.
Huwa rrikonoxxa li l-Kulleġġ Kardinalizju huwa magħmul minn realtajiet differenti u esperjenzi varji, iżda enfasizza li huma msejħin, qabel kollox, biex jitgħallmu jsiru jafu lil xulxin u jidħlu fi djalogu bejniethom sabiex jaħdmu flimkien għas-servizz tal-Knisja.
Għaldaqstant, hu esprima x-xewqa tiegħu li dan iwassal għal tkabbir fil-komunjoni u jservi bħala mudell ta’ kolleġġjalità.
F’diskors immarkat b’enfasi fuq l-għaqda – tema ċentrali fil-pontifikat tiegħu, il-Papa Ljun XIV qal li “filwaqt li l-għaqda tattratta, id-diviżjoni tifred”, u għalhekk, sabiex il-Knisja tkun tassew missjunarja u kapaċi tagħti xhieda tal-imħabba ta’ Kristu, hemm bżonn li jitħaddem il-kmandament li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu wara l-ħasil tar-riġlejn: li jħobbu lil xulxin kif ħabbhom hu.
Żewġ temi minn erbgħa biex jiġu diskussi
Minħabba ħin limitat, il-Papa Ljun spjega li minn erba’ temi proposti qabel il-konċistorju, se jkunu tnejn biss li jittellgħu għad-diskussjoni.
It-temi oriġinali kienu jinkludu l-eżortazzjoni appostolika Evangelii Gaudium u l-missjoni tal-Knisja; il-kostituzzjoni appostolika Praedicate Evangelium u s-servizz tas-Santa Sede; is-sinodalità bħala strument ta’ kooperazzjoni; u l-liturġija bħala l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija.
Id-Direttur tas-Sala Stampa tas-Santa Sede Matteo Bruni kkonferma li permezz ta’ votazzjoni, il-kardinali għażlu li jiffukaw fuq in-natura missjunarja tal-Knisja, fid-dawl ta’ Evangelii Gaudium miktuba mill-Papa Franġisku, kif ukoll fuq it-tema tas-sinodalità.

“Pietru ma għandux imur fil-maltemp waħdu” – il-Kardinal Radcliffe lill-kardinali
Il-Kardinal Dumnikan Timothy Radcliffe saħaq f’meditazzjoni introduttorja għall-konċistorju li l-Papa ma għandux jitħalla waħdu quddiem l-isfidi tal-lum. Huwa uża l-immaġni tad-dgħajsa ta’ Pietru, hekk kif Ġesù talab lid-dixxipli tiegħu biex jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu. “Pietru ma għandux imur fil-maltemp waħdu,” stqarr il-Kardinal Ingliż.
Kompla jgħid lill-kardinali li “din hi l-ewwel ubbidjenza tagħna: li nkunu fuq l-istess dgħajsa ma’ Pietru, mas-suċċessur tiegħu, huwa u jaffaċja t-tempesti ta’ żmienna. Ma nistgħux nibqgħu fuq il-bajja ngħid, ‘Jien illum mhux se noħroġ.’ Jew ‘jien kont nagħżel dgħajsa oħra.’ Ġesù joqgħod waħdu fuq il-muntanja, iżda Pietru għandu jkun dejjem akkumpanjat.”
Xeni sinodali
Wara l-indirizzi tal-bidu, il-kardinali mxew lejn l-Awla Pawlu VI, fejn tqassmu f’20 grupp ta’ diskussjoni, f’arranġament li fakkar lil bosta fil-proċess tas-Sinodu dwar is-sinodalità.
Disa’ mwejjed kienu magħmula minn isqfijiet djoċesani u nunzji minn madwar id-dinja, filwaqt li l-11-il grupp l-ieħor kienu jinkludu uffiċjali tal-Kurja, u kardinali mhux eletturi, jiġifieri dawk ’il fuq minn 80 sena. Kull grupp kellu president u segretarju.
Il-Papa ma ħax sehem dirett fid-diskussjonijiet tal-gruppi, ħlief għal kummenti qosra ta’ konklużjoni. Skont Bruni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-gruppi kollha ġew miġbura, iżda minħabba restrizzjonijiet ta’ ħin, kienu biss is-segretarji tad-disa’ gruppi tal-knejjes lokali li ngħataw tliet minuti biex jispjegaw il-ħidma u r-raġunijiet wara l-għażla tat-temi, filwaqt li l-gruppi l-oħra ppreżentaw biss it-titli tat-temi magħżula. Huwa kkonferma li l-għażliet saru b’maġġoranza assoluta, mingħajr ebda grupp li vvota għal temi differenti.

“Il-mixja importanti daqs it-tmiem” – Il-Papa Ljun XIV
Fil-konklużjoni tal-ewwel jum, il-Papa rringrazzja lill-kardinali u rrefera għall-kliem ta’ wieħed mis-segretarji li enfasizza kif “il-mixja hija importanti daqs il-konklużjoni”. Huwa saħaq fuq il-valur tal-parteċipazzjoni ta’ kulħadd bħala esperjenza konkreta ta’ kolleġġjalità, li tinvolvi r-rieda, ix-xewqa u s-sagrifiċċju tal-mixja flimkien.
Il-Papa kompla li għalkemm il-ħin huwa qasir, dan il-mument jibqa’ wieħed essenzjali, u rringrazzja lil dawk il-kardinali li vvjaġġaw mill-bogħod biex ikunu preżenti.
“Anke jien inħoss il-bżonn li niġi għandkom,” qal il-Papa, “għax intom wassaltuni għal din il-missjoni, u huwa importanti li niddixxernu flimkien.”
Fil-kuntest tat-tema missjunarja ta’ Evangelii Gaudium, il-Papa fakkar li l-ferħ tal-Evanġelju jeħles, jagħmel lin-nies aktar attenti u kuraġġużi, u jiftaħ triqat ġodda li qatt ma jkunu nfetħu. Minkejja d-dubji u l-biżgħat li jistgħu jinqalgħu, huwa stieden lill-kardinali biex jafdaw fil-Mulej, għax il-Knisja ma tistax tifred il-missjoni tagħha mis-sinodalità: Knisja li tħares lil hinn minnha nnifisha hija msejħa biex tħabbar l-Evanġelju, u dik tibqa’ l-qalba tal-missjoni tagħha.

Sors: Newsbook Malta




