-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
It-Tielet Erbat tal-Madonna tal-Karmnu, l-Imdina
3 ta’ Mejju 2017
Il-kliem li għadna kemm smajna jinstemgħu bħala ċanfira ħelwa lil Filippu. Illum qegħdin nagħmlu l-festa flimkien mal-appostlu l-ieħor Ġakbu ż-żgħir. “Ili daqshekk magħkom u inti, Filippu, għadek ma għaraftnix?” (Ġw 14, 9).
Ippermettuli napplika dan il-kliem ta’ Ġesù li jinstema’ bħala ċanfira ħelwa għalina. Ġesù ilu magħna ħafna żmien, bħala individwi u anke bħala poplu u nħoss ukoll li Ġesù, meta jħares lejna individwalment u bħala poplu, tiġih f’moħħu ċ-ċanfira li għamel lil Filippu, “ili daqshekk magħkom u intom, għeżież Maltin, għadkom m’għaraftunix?”. Ħafna drabi donnu jattirana iżjed dak li huwa spettakolari. Nisma’ b’ħafna Maltin, devoti tad-dehriet tal-Madonna u jaqbdu l-ewwel ajruplan li jsibu, u jmorru fejn dehret il-Madonna u l-fidi tagħhom donnha għandha bżonn dawn il-mumenti straordinarji. Il-Mulej iċanfar il-fidi li titlob kontinwament is-sinjali. “Din il-ġenerazzjoni titlob is-sinjali, imma ma jingħatalhiex sinjal ħlief dak ta’ Ġona”, jgħid Ġesù fl-Evanġelju.
“Min ra lili, ra lil Missieri wkoll” (v. 9). Ġesù, biex insostnu anke dak li jgħallem San Ġwann tas-Salib, jinsisti lil min jiltaqa’ miegħu jkun iltaqa’ mal-Missier, mal-Iben, u mal-Ispirtu s-Santu. Ikun iltaqa’ ma’ Alla li sar bniedem. Tereża ta’ Ġesù, bint oħra tal-Karmelu, kienet tgħid li għaliha kien iżjed faċli tersaq lejn Alla permezz tal-persuna ta’ Ġesù, tal-Iben ta’ Marija.
Lill-Madonna, b’mod speċjali taħt it-titlu sabiħ tal-Karmelu, dejjem inqimuha bil-Bambin Ġesù f’idejha għax il-Madonna mhix interessata li aħna niltaqgħu magħha, imma qiegħda hemm biex twasslilna lil binha Ġesù. U min jara lil Ġesù jara lill-Missier ukoll. “Jiena fil-Missier, u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġa oħra, emmnu minħabba fl-għemil stess” (v. 11). Il-kelma “fl-għemil stess” tfakkarna fl-ewwel sinjal fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li b’xi mod kien ippreparat minn Marija stess: “Ma baqgħalhomx iżjed inbid”. “X’għandna x’naqsmu, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (ara Ġw 2, 3-5). B’dawk il-kelmiet il-Madonna tinawgura din is-serje ta’ sinjali, ta’ għemejjel, li l-Mulej kontinwament jippreżenta bħala l-awtentiċità, iċ-ċertifikat tal-identità tiegħu. “Jekk mhux għal ħaġa oħra, emmnu minħabba fl-għemejjel”.
U Ġesù jwiegħed li dawn is-sinjali li huma biex iwettqu l-fidi tad-dixxipli, huma sinjal tal-preżenza ta’ Alla fostna, li jagħmluhom ukoll id-dixxipli tiegħu. “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom”, allura huma kliem solenni ta’ Ġesù, “fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija wkoll għad jagħmel għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minni għad jagħmel għax jiena sejjer għand il-Missier, u jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun imsebbaħ f’Ibnu, iva jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha” (ara Ġw 14, 12-14). U b’dak il-kliem lill-Knisja, il-Mulej Ġesù ta qawwa kbira, fiduċja kbira fit-talb. Aħna għalhekk nitolbu lill-Mulej bl-interċessjoni tal-qaddisin.
Qabel il-Quddiesa kelli x-xorti nitlob għal ftit sekondi quddiem il-fdalijiet tal-qaddej ta’ Alla Patri Avertan. Aħna nitolbuhom lil dawn ħutna, lid-dixxipli tal-Mulej għax nemmnu li permezz tagħhom il-Mulej jagħmel ħwejjeġ kbar u jippermetti dan biex il-Missier ikun imsebbaħ f’Ibnu għaliex il-mirakli, l-għemejjel kbar, il-qaddisin jaqilgħuhom mingħand Alla. Huwa Alla li jopera ’l fuq min-natura, fejn in-natura ma tistax tasal u x-xjenza ma tistax tispjega.
Illum aħna qegħdin hawnhekk inġeddu din il-fidi tal-Knisja li l-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu għadu jagħmel għemejjel kbar u dawn l-għemejjel isiru biex jikkonfermaw il-fidi. Dak li aħna nsejħu “miraklu” ma jsirx għax-show imma biex jikkonferma l-fidi jew inkella kultant inissilha biex intom temmnu, biex Ġesù jżid motivazzjoni oħra, biex il-Missier ikun imsebbaħ f’Ibnu. Il-qawwa tal-qaddisin hija bl-interċessjoni. “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha” għax it-talb tagħna jispiċċa kollu “fi Kristu Sidna”. Innutaw li meta l-Knisja tgħallimna nitolbu, dejjem tgħallimna ngħidu “bi Kristu Sidna”. U dik hija l-konferma li l-Knisja qiegħda tobdi dak li qed jgħid Ġesù llum: “jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha”.
F’din it-tielet udjenza minn dawn is-seba’ li niċċelebraw wara l-Għid il-Kbir, nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija li kienet dik li bdiet din ir-realtà kbira tas-sinjali li l-Mulej jagħmel biex jikkonferma li hu kapaċi jittrasforma mhux biss l-ilma f’inbid, imma kapaċi anke jittrasforma l-inbid fid-demm tiegħu.
Il-Papa Emeritu, il-Papa Benedittu fil-ktieb tiegħu ‘Ġesù ta’ Nazzaret’ għandu din ir-riflessjoni sabiħa, l-ewwel sinjal ta’ Ġesù, li jibdel l-ilma tal-purifikazzjoni fl-inbid u anteċipazzjoni ta’ bidla oħra: meta l-inbid jiġi mibdul fid-demm imqaddes ta’ Ġesù.
Minn hawn u ftit ieħor, lill-Mulej se nippreżetawlu dak li rċevejna minn għandu. “Imbierek, Mulej, ta’ dan il-ħobż, frott tal-art u xogħol il-bniedem, aħna noffruhulek” u hu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jitttrasformah fil-Ġisem tiegħu; noffrulu l-inbid u hu bil-qawwa tal-Ispirtu jittrasformah fid-demm tiegħu. U din il-ħaġa kbira sseħħ f’kull quddiesa, dawn huma l-għemejjel kbar li l-Knisja bit-talba tagħha u bil-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, tirċievi mingħand il-Mulej stess. Din hija l-qawwa mogħtija lis-saċerdot Kattoliku, din hi l-qawwa li għandna bżonn li tkompli bid-don tal-vokazzjonijiet għal ħajja reliġjuża, saċerdotali.
Waqt li aħna niftakru li Sidtna Marija tieħu ħsieb iċ-ċenaklu tal-Knisja, f’dawn is-seba’ erbat tal-udjenza Sidtna Marija tiggwidana bit-talb. Bħalma għamlet fiċ-ċenaklu, il-Knisja tistenna l-miġja tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Allura Sidtna Marija tkun mal-Knisja hija u tinvoka l-Ispirtu s-Santu bl-offerti biex dawn jinbidlu fil-preżenza reali ta’ Ġesù. Għalhekk aħna u nqimu lill-Madonna bit-titlu sabiħ ta’ Reġina tal-Appostli, inqimuha llum fiċ-ċenaklu miġbura mal-appostli titlob, titlob biex huma jirċievu din il-qawwa spiritwali li permezz tagħha jagħmlu għemejjel kbar. “Iva, jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha”, jgħid il-Mulej.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta