-
-
Nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali ta’ Ħadd in-Nies, b’pellegrinaġġ u Quddiesa fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żabbar
5 ta’ Marzu 2017“Il-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek biex tikseb id-dehen”(Ġen 3, 6). Din il-mara nafu min hi, hija Eva s-sieħba ta’ Adam; is-serp ittentaha billi pprova jipperswadieha biex tiekol mis-siġra li l-Mulej Alla kien qalilha biex ma tikolx minnha. Ried jipperswadieha li Alla ried itellifha opportunità tad-deheb, ried jipperswadieha li Alla kien qisu f’tellieqa magħha biex itelfilha l-għaxqa ta’ qalbha.
U “rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel, tiġbdek fil-għajn”; kellha s-sbuħija tagħha, biha setgħet tikseb id-dehen. Ipperswadiet ruħha mhux għax riedet tagħżel il-ħażin, imma pperswadiet ruħha għax il-proposta ta’ Satana ħajjritha tassew. Ipperswadietha dak li deher tajjeb u “ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad ukoll tat lil żewġha, li kien magħha, u kiel”. Ir-riżultat immedjat huwa li dawn l-ewwel bnedmin huma u jużaw l-intellett u r-rieda li kien tahom Alla fil-ħolqien tagħhom bħala xhieha tiegħu, jirrealizzaw li użaw dawn id-doni kbar b’mod ħażin. “Għajnejhom it-tnejn infetħulhom”, intebħu li kienu spiċċaw bla dinjità. Dak li mingħalihom “kien tajjeb għall-ikel, jiġbdek fil-għajn” tajjeb li tiksbu għad-dehen, sar ikel qares u ma kienx daqshekk ta’ dehen imma ta’ bluha.
Nafu li Alla, fil-ġustizzja tiegħu, irrispetta d-deċiżjoni tagħhom bil-konsegwenzi kollha tagħha, li aħna wkoll uritna, imma fl-istess ħin ħaseb biex il-ħolqien tiegħu jerġa’ jġeddu. U fil-milja taż-żminijiet, bit-tgħanniqa ta’ mħabba ta’ Ġwakkin u ta’ Anna, ħoloq mara sabiħa: Marija, l-Eva l-ġdida. Ħelisha minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel, ħelisha minn dan l-att ta’ bluha u ribelljoni u ta’ ingann ta’ l-ewwel ġenituri, biex meta jagħmlilha proposta tkun ħielsa tgħidlu ‘iva’. “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1, 38).
Mhux ikun minni kif nixtieq jien, imma ‘jkun minni skont kelmtek’. B’dik il-kelma Sidtna Marija tal-Grazzja tħodd l-għażla ħażina tal-mara li kien jisimha Eva għaliex il-kriterju għal Marija ma kienx l-għerf tagħha, jew il-kalkoli tagħha, jew il-vantaġġi tagħha, jew dak li jħajjarha, anzi kellha diffikultajiet kbar. Kienet taf li isimha se jittebba quddiem iz-zekzik tan-nies, li Ġużeppi mhux se jifhem mal-ewwel, li kellha biċċa xogħol tfehmu. “Ikun minni skont kelmtek”. U f’dak il-mument l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej inissel fil-ġuf tagħha lill-Binha Ġesù.
Jgħaddu tletin sena u l-Mulej, f’isimna bħala s-Salvatur tagħna, irid jidħol fit-taqtiegħa mat-tentatur. Marija setgħet tħott dak li għamlet Eva minħabba Binha Ġesù għax kif jgħallimna San Pawl fit-Tieni Qari li smajna, il-waqgħa kienet f’Adam. Bħalma l-bnedmin kollha dinbu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Bħalma jmutu f’Adam, hekk ukoll jieħdu l-ħajja fi Kristu (ara Rum 5, 12). Il-Mulej huwa Adam l-ġdid, Iben Eva l-ġdida.
Ix-xitan jittenta lil Ġesù għal tliet darbiet. L-ewwel isibu bil-ġuħ u jittentah biex juża’ l-qawwa divina tiegħu ħa jaħseb fih innifsu. “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż” (Mt 4, 3). Ġesù jagħtina l-ewwel tagħlima: ir-risposti ta’ Ġesù f’ Kapitlu 4 ta’ San Mattew, huma programm għall-mixja tagħna tar-Randan. “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (v. 4). X’irid jgħid? Qiegħed jirrispetta l-liġi tax-xogħol li biha aħna naqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum. Nitolbuhielu lill-Mulej “agħtina l-ħobżna ta’ kuljum”, imma mhux biss il-ħobż materjali huwa importanti, imma aħna ngħixu wkoll “b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. Il-kelma tal-Mulej hija għajxien għalina, nistgħu ngħidu li fil-kelma tal-Mulej, il-Missier tas-sema qiegħed jagħtina “frott tajjeb għall-ikel li jiġbdek fil-għajn u li jħajrek biex tikseb id-dehen”.
Għalhekk mhux kapriċċ li fir-Randan issib il-ħin tisma’ saċerdot jispjegalek il-Kelma ta’Alla fl-eżerċizzi, inħajjarkom ħafna li wieħed isib il-ħin jattendi kors ta’ eżerċizzi spiritwali matulek ja Randan. Għaliex il-ħobż importanti, anke l-overtime importanti, imma aħna ngħixu wkoll bil-kelma tal-Mulej u rridu nisimgħuha, irridu nagħtuha l-ħin.
It-tieni risposta ta’ Ġesù wieħed jista’ jgħid: “imma dina kif tgħodd għalina?” “Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”(v. 7). X’kien talbu Satana lil Ġesù? Talbu jagħmel ġest spettakolari: “inxteħet għall-isfel mill-għoli, imbagħad l-anġli jiġu jilqgħuk biex ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla” (ara v. 5). Aħna ħafna drabi nippretendu minn Alla li jaqdina fil-mumenti ta’ kriżi, kemm tagħfas buttuna u kollox jiġi O.K.
Kultant anke meta nitkellmu mal-Madonna – u tajjeb nitkellmu magħha – imma donna inkellmuha biex tgħaddielu kelma ta’ “jiena ma studjajtx ta, imma għandi eżami, għandi bżonn ngħaddi, ara kif se tagħmel!”. Jew inkella “jien għandi balla dejn, issa ara x’tagħmel, rebbaħli mqar is-super five jew dawk ta’ ħafna” għax mid-dehra hemm ħafna llum. Ħafna drabi lil Alla nfittxuh għas-soluzzjonijiet mingħalina faċli, ta’ problemi kbar.
Alla kapaċi jagħtina l-għajnuna, imma l-Mulej jgħidilna: “iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek”. Aħna m’aħniex qed nippriedkaw reliġjon li “jekk tħobb lil Ġesù, kollox se jkun ħarir”, mhux se jolqtok il-mard, mhux se jkollok problemi. Ikollok l-għajnuna tiegħu, imma ma jistax iwarrab minn ħajtek is-salib. Min m’għandux salib għandu domna.
Allura t-tieni risposta ta’ Ġesù hija li aħna nilqgħu bil-kalma, mingħajr ma nieqfu nitolbu, imma ma’ kull talba ikun hemm din it-talba li għallimna hu: “ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art”. U jekk nagħmlu hekk lil Alla nkunu qegħdin tassew nadurawh fil-qalb tagħna.
Ix-xitan ittenta lil Ġesù fit-tielet tentazzjoni, b’soluzzjoni sempliċi: biex ikollu d-dinja tiegħu. “Dawn kollha nagħtihom lilek”qallu Satana, “jekk tinxteħet tadurani” (v. 9). U d-dinja, ħafna drabi, tagħmlilna din il-proposta, tittentana biex ikollna l-idoli tagħna: jew il-flus, jew il-pjaċir tas-sensi, jew l-unuri ta’ din id-dinja, u aħna mingħalina qegħdin naqdu lill-Mulej u nkunu qegħdin naduraw alla falz.
Għalhekk importanti t-tagħlina li jagħtina Ġesù fit-tielet tentazzjoni tiegħu: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura u lilu biss taqdi” (v. 10). Jekk taqdi lill-Mulej, inti “tgħum fil-paċi” biex nuża’ espressjoni ta’ San Ġorġ Preca, u inti tkun tassew iben Marija għax Marija, Omm il-Grazzja u Omm il-Ħniena, tippreżentalek dejjem lil Ġesù Binha. Aħna ma nadurawhiex lill-Madonna, aħna naduraw biss lil Alla; lilha nqimuha b’qima speċjali għax hi Omm Alla, imma maduraw lil Binha Ġesù iben Alla, lil Alla l-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. “lilu biss irridu naqdu bħala Alla tagħna”
Fil-bidu ta’ dan ir-Randan imqaddes aħna għamilna ġest li ilu jsir għal mijiet ta’ snin, fil-bidu tar-Randan, ġest ta’ penitenza li fl-istess ħin huwa talba lil Sidtna Marija, Eva l-ġdida. Nitolbuk, O Madonna, biex aħna wkoll ikollna l-qalb sabiħa tiegħek li biha lill-Mulej ngħidulu: “ikun minni skont kelmtek”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja