L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan l-Evanġelju jagħtina ħafna spunti ta’ riflessjoni. Il-kapitlu 6 ta’ San Ġwann li qegħdin naqraw dawn il-jiem, jitkellem dwar il-ħobż tal-ħajja li hu Ġesù stess fil-kelma tiegħu, fil-preżenza tiegħu fil-Knisja, permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu imma wkoll fil-misteru kbir tal-ġisem u d-demm għażiż tiegħu fl-Ewkaristija.
Biss, minħabba s-sitwazzjoni preżenti u ċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, nixtieq nagħmel riflessjoni ċkejkna fuq il-kliem ta’ Ġesù dwar l-ikel tal-ġisem qaddis tiegħu.” Min jiekol ġismi jgħix għal dejjem. Il-ħobż li nagħti hu ġismi għal ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:51).
Ġesù jinsisti ħafna fuq dan l-att li bih nidħlu f’intimità miegħu. Tant hu hekk li jekk wieħed jaqra l-oriġinal bil-Grieg, Ġesù juża kelma iżjed qawwija minn ‘tiekol’; juża l-kelma ‘tmaxtar’ bħalma jagħmlu l-bhejjem quddiem l-għalf tagħhom. Inti l-ħaġa tixtarrha, tmaxtar u tixtarr. Nużawha wkoll għall-ħsibijiet, għall-emozzjonijiet. U nirrealizzaw kemm dan il-proċess li niċċelebraw fil-quddiesa tat-tqarbin, u li aħna nieħdu sehem fit-tqarbin, hu mod kif aħna nidħlu f’intimità kbira ma’ Ġesù.
Issa aħna ilna sentejn noffru din it-trasmissjoni imma mit-trasmissjoni jiena ma nistax noffrilek il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Inti qed issegwi t-trasmissjoni ħajja, ta’ vera, live mhux teatrin; qed niċċelebraw l-Ewkaristija ta’ vera imma dan l-att li inti tidħol f’intimità ma’ Ġesù billi titqarben ma jistax isir. Isir fil-knejjes tagħna, isir billi s-saċerdoti jwassallek l-Ewkaristija – il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù.
Mela hu importanti ħafna, ħafna li nitolbu d-don tal-Ewkaristija l-ewwel nett min jista’ jmur il-knisja jmur u jipparteċipa fil-quddies u jitqarben, iqerr jekk għandu bżonn u jitqarben bil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Aħna nafu li taħt kull speċi d-demm jew il-ġisem, hemm Ġesù sħih. Nitqarbnu bl-ispeċi tal-ħobż u hemm il-ġisem, id-demm ir-ruħ u d-divinità ta’ Ġesù. Min qiegħed f’residenzi tal-anzjani, id-djar nitolbu lis-saċerdoti tagħna li jwasslulna lil Ġesù Ewkaristija. Tajjeb insegwu dawn it-trasmissjonijiet b’mod speċjali min ma jistax imur il-knisja, imma mbagħad għandna l-mezzi – issa li tneħħew kważi r-restrizzjonijiet kollha marbutin mal-COVID – li s-saċerdoti jew il-ministri straordinarji tat-tqarbin iwasslulna lil Ġesù.
Fit-trasmissjoni ħajja tal-quddiesa … qed niċċelebraw l-Ewkaristija ta’ vera imma dan l-att li inti tidħol f’intimità ma’ Ġesù billi titqarben ma jistax isir. Isir fil-knejjes tagħna, isir billi s-saċerdoti jwassallek l-Ewkaristija – il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù.
Jekk inti qiegħda jew qiegħed fi sptar, kun af li trid titlob inti li titqarben. Tippretendix li n-nurse tgħidlek: trid titqarben? Inti trid titlob. Meta tasal għid il-qraba tiegħek jgħidulu: isma’ missieri, ħija, oħti, il-kuġin jixieq jitqarben. Ovvjament jekk tkun trid inti. Imma dan hu servizz li wieħed irid jitolbu. Allura kull min hu marbut b’xi kundizzjoni li ma jistax imur il-knisja, tajjeb jikkuntattja lill-parroċċa, liċ-chaplains tar-residenzi jew lill-managers tar-residenzi fejn m’hemmx chaplains, biex jipprovdu din il-grazzja kbira. Imma min jista’ jimxi u jmur il-ħanut u jmur iċ-ċinema u jmur id-divertiment, imur restorant, nissuġġerilu wkoll li jersaq lejn il-mejda li ħejja Ġesù. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih,” jgħid.
Mela kultant il-kappillani jgħiduli: ‘immorru għat-tberik u jgħidulna aħna m’għadniex niġu l-knisja, nisimgħu fuq it-televixin, taf kemm tkun sabiħa!’ Ma nixtieqx inkun kompliċi tal-għażż, tad-devozzjoni iva, imma tagħmlunix kompliċi tal-għażż għax imbagħad ikolli nħallas kont għoli. Mhux jien biss imma anke Jacob li jdoqq l-arpa. Jiġifieri agħmlulna pjaċir aħfruhielna, segwuna kemm tridu imma min jista’ jmur il-knisja u l-quddiesa, Ġesù qed joffri l-ikel u l-ħobż ta’ ruħna, il-ġisem u d-demm għażiż tiegħu. Jiena mit-televixin ma nistax inqarbnek, s’hemmhekk naslu, hux veru?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 8:26-40
Salm: 65 (66):8-9,16-17,20
L-Evanġelju: Ġw 6:44-51