Photo by Bennet P Biju

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubietna, ħarisna min-nar tal-infern, ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, u għin lil dawk li għandhom l-aktar bżonn tal-ħniena tiegħek”. Din it-talba li aħna soltu ngħidu ma’ kull misteru tar-Rużarju ma kinitx fit-talba oriġinali tar-Rużarju, imma hija talba li għandha l-oriġini tagħha proprju fil-ġrajja ta’ Fatima. Hija t-talba li tfisser, fi ftit kliem, il-messaġġ importanti li tat il-Madonna ġewwa Fatima, il-messaġġ li tat lit-tliet itfal: Franġisku, Ġaċinta u Luċia.

Illum qegħdin nagħmlu l-festa ta’ tnejn minnhom, Franġisku u Ġaċinta, li kienu tfal żgħar ħafna meta l-Madonna dehritilhom – disa’ snin u seba’ snin – u li kienu wkoll żgħar ħafna meta l-Mulej sejħilhom għall-ħajja ta’ dejjem – għaxar snin u disa’ snin. Dawn kienu aħwa. Min-naħa l-oħra, il-kuġina tagħhom, Luċia, li kienet magħhom fid-dehriet tal-Madonna, għexet ħajja twila ta’ 97 sena.

Nixtieq li nħarsu lejn dawn it-tnejn – Franġisku u Ġaċinta – li tagħhom qed nagħmlu l-festa llum, u li ġew dikjarati qaddisin mill-Papa Franġisku fit-13 ta’ Mejju 2017, u naraw il-messaġġ sabiħ li jagħtina l-Mulej permezz tagħhom. Insemmi tliet punti.

Alla jaħdem permezz taċ-ċkejknin

L-ewwel nett: Alla jħares lejn iċ-ċkejknin, u permezz tagħhom jagħmel ħwejjeġ kbar. Dawn kienu tfal żgħar ħafna, kienu tfal ta’ ħajja normali, ma kinux ta’ xi familja rinomata.  Kienu jirgħu n-ngħaġ. Meta dehritilhom il-Madonna, hi wriethom il-kobor tal-Mulej u tat messaġġ hekk importanti mhux biss għalihom imma għall-umanità. 

Għalhekk aħna dejjem għandna napprezzaw dawk li huma żgħar u ċkejknin. Kemm fl-età, anke li jkun hawn it-tfal iż-żgħar fostna; nieħu ħafna pjaċir meta fil-knisja jkun hawn it-tfal iż-żgħar, anke żgħar ħafna, anke jekk jibdew jgħajtu f’xi ħin, għax il-knisja għandha tilqa’ lil kulħadd, anke liż-żgħar, hawn hu posthom. Kemm fl-età, u anke dawk ta’ ħajja ordinarja, umli. Alla jaħdem permezz tagħhom. Narawha din dejjem fil-kelma ta’ Alla, u narawha b’mod sabiħ ħafna f’din il-ġrajja ta’ Fatima. 

Permezz ta’ Franġisku u Ġaċinta, Ommna Marija wasslet messaġġ hekk importanti għalina lkoll. Meta, fil-Ktieb tal-Levitiku llum, smajna l-Mulej jgħid “Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom” (Lev 19:1), niftakru li ma hemmx età għall-qdusija. Hija anke għat-tfal iż-żgħar, u Alla jaħdem permezz tagħhom.

Ngħixu l-ewwel aħna l-kelma biex nistgħu nwassluha

It-tieni messaġġ hu dan. X’għarfu Franġisku u Ġaċinta? Li l-messaġġ ta’ konverżjoni li wasslet il-Madonna, u l-messaġġ kemm hemm bżonn li nobogħdu dak li hu ħażin u nagħżlu t-tajjeb, u l-messaġġ ta’ talb, speċjalment tat-talba tar-Rużarju, u talb kontinwu għall-konverżjoni tal-midinbin – il-messaġġ hu għal kulħadd, imma Franġisku u Ġaċinta għarfu li jridu jibdew huma jgħixuh. Għalhekk narawhom, fiċ-ċokon tagħhom, fil-ftit żmien li kellhom fil-fatt – għax ftit wara mietu – jiddedikaw ħajjithom għat-talb, għall-ħajja qaddisa, għax kienu jafu li jridu jibdew huma. 

Meta nħarsu lejn id-dinja, naraw kemm hemm bżonn paċi, imħabba, konverżjoni lejn il-Mulej – imma rridu nibdew aħna. Meta aħna nibdew, nagħrfu kemm hi sabiħa il-ħajja ta’ Alla.

Meta dehritilhom il-Madonna, kienet dehra ta’ dawl li mela lil ħajjithom. Permezz ta’ dan id-dawl, huma setgħu jgħixu fil-grazzja ta’ Alla kontinwament. Fi ftit snin għexu ħajja qaddisa, u l-konverżjoni li riedet il-Madonna għall-umanità għexuha huma l-ewwel. Dan hu messaġġ importanti għalina. Irridu nibdew aħna, bil-konverżjoni tal-qalb tagħna, li ngħixu dak li l-Madonna trid għall-umanità.

Il-paċi fid-dinja tibda mill-paċi fil-qalb

It-tielet messaġġ li naraw b’mod sabiħ ħafna fil-ġrajja ta’ Fatima, speċjalment fil-ħajja ta’ dawn it-tfal iż-żgħar, Franġisku u Ġaċinta, huwa l-messaġġ ta’ paċi għad-dinja. Meta dehret il-Madonna, kien żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-Madonna wriet li jekk il-bnedmin ma jagħtux każ dak li qed jitlob il-Mulej, id-dinja tgħaddi minn żminijiet koroh ħafna. Nafu kemm hu veru dan bit-Tieni Gwerra Dinjija u, aktar reċenti wkoll, b’dak li qed ngħixu fi żminijietna.

X’għarfu Franġisku u Ġaċinta? Li l-paċi fid-dinja tibda fil-qalb. Jekk aħna jkollna l-paċi ma’ Alla u mal-oħrajn, ġa qegħdin nagħtu kontribut importanti għall-paċi fid-dinja, għax inkunu strumenti tal-paċi mal-oħrajn. 

Sfortunatament għaddejna minn żmien diffiċli ħafna fl-istorja tal-umanità. Mal-ewwel nagħrfu kemm dak kien f’kuntrast mal-Evanġelju li smajna llum, bil-messaġġ qawwi li Ġesù jagħtina ta’ mħabba u maħfra: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mt 5:44). 

Il-maħfra li jrid minna l-Mulej hija għażla. Mhux għax tħoss u ma tħossx. Tista’ tħossok minn ġewwa iddispjaċut, irrabjat, tħoss demmek ibaqbaq, imma tgħid: minkejja dak li nħoss, jien nagħżel li naħfer, li ma npattix, li ma nagħmilx vendikazzjoni. Il-maħfra hija għażla. Hija għażla li ġġib tassew il-paċi f’ħajjitna u fis-soċjetà. 

Il-Madonna hekk riedet minn dawn il-qaddisin żgħar Franġisku u Ġaċinta. U dak hu l-messaġġ li huma jagħtuna: li meta aħna nitkellmu fuq il-paċi fil-familja, fis-soċjetà, fid-dinja, niftakru li l-paċi trid tibda fil-qalb tagħna. Imbagħad inkunu nistgħu nxerrduha mal-oħrajn, u nkunu strumenti tal-paċi tal-Mulej.

Iċ-ċkejknin juruna li l-qdusija hija għal kulħadd

Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dawn il-qaddisin hekk ċkejknin u fl-istess waqt hekk kbar. Meta kien hemm il-proċess għall-beatifikazzjoni, u għall-kanonizzazzjoni tagħhom, kien hemm min qal li kienu żgħar wisq biex jiġu dikjarati qaddisin. Verament, huma l-iżgħar tfal fl-età li ġew dikjarati qaddisin, apparti oħrajn martri. Imma l-messaġġ f’din il-festa ta’ dawn iż-żewġ itfal hi: iva, anzi permezz tagħhom aħna nistgħu nagħmlu kuraġġ. Nieħdu bis-serjetà l-messaġġ li qed iwasslulna, ħalli aħna nistgħu ngħixu fil-paċi u fl-imħabba, u nkunu bħalhom strumenti tal-paċi u tal-imħabba ta’ Alla fis-soċjetà llum.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta