• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa tal-Imsida

    15 ta’ Lulju 2017

    “Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba, huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha, u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin” (Mt 13, 23).

    Ġesù jgħid parabbola, tixbieha u, każ uniku, jispjegaha. Jitkellem dwar il-bidwi li joħroġ jiżra’ u jitkellem ukoll dwar sitwazzjonijiet differenti li jew iħallu ż-żerriegħa tagħmel il-frott jew ifixkluha. Hekk iż-żerriegħa li taqa’ fuq il-blat, ma tagħmilx frott, Ġesù jgħidilna: “huwa dak li jisma’ l-kelma jilqagħha minnufih bil-ferħ, imma għeruq ma jkollux fih innifsu u għalhekk ftit idum, jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel” (vv. 20-21).

    Hu jgħidilna: “dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma u għalhekk ma jagħmilx frott” (v. 22). “Imma dak li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha u tassew hu jagħmel il-frott” (v. 23).

    Il-proposta tiegħi għalikom illum f’din is-sena li fiha tiċċelebraw il-150 anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa, hija li l-parroċċa stess tkun din l-art tajba, li hi u tinżera’ fiha l-Kelma, tagħmel il-frott. Tgħiduli imma Ġesù qed jitkellem fuq il-qalb tal-bniedem. Veru li qed jitkellem fuq it-tfixkil li jkollu kull wieħed minna, imma kultant il-komunità stess taf tkun jew komunità li tiffaċilita l-kelma jew li tfixkilha. Aħna u niċċelebraw it-twaqqif ta’ komunità Nisranija ġdida, ta’ parroċċa, irridu nitolbu li din il-komunità tkun ambjent fejn il-kelma ta’ Alla ssib akkoljenza, wieħed jilqagħha u tħalli l-frott. 

    Ħa nieħdu l-eżempju ta’ San Ġużepp. Ħafna mill-ikoni orjentali ta’ San Ġużepp, anzi dawk tal-Milied, San Ġużepp mhux qiegħed ħdejn il-Madonna u l-Bambin, imma qiegħed f’kantuniera, ġeneralment f’kantuniera n-naħa t’isfel, jew in-naħa tax-xellug jew in-naħa tal-lemin, u hemm xi ħadd, raġel xiħ bil-bastun u bid-daqna twila jfesfislu d-dubju f’widnejh, id-dubju dwar il-qdusija tal-Verġni Marija.   

    Dak il-mument huwa l-mument fejn il-ħażin li jsemmi Ġesù, ried jisraq mill-qalb tar-raġel ġust, Ġużeppi, il-fiduċja u r-rispett li kellu lejn il-Madonna. Ġużeppi huwa magħruf li kien raġel ġust, li ma ridx jikkundanna lill-Madonna li ħarġet tqila bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u ddeċieda li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. 

    Ġużeppi  jgħallimna li aħna rridu nirreżistu t-tentazzjoni tal-ħażin li jixtieq jisirqilna l-kelma minn qalbna. Kif jagħmel hekk il-ħażin? Hu għandu ħafna aġenti tiegħu fuq din l-art. Il-ħażin jipprova jisirqilna l-kelma bil-qerq, bil-gideb, bil-kalunja u bil-firda ta’ bejnietna. Għalhekk jismu xitan, li tfisser wieħed li jakkuża u “diabolus” li jfisser wieħed li jġib il-firda. Mela kull ħaġa li fostna ġġib il-firda, kull ħaġa li tnissel bejnietna spirtu ta’ diżprezz għal xulxin, jew inkella nuqqas ta’ qima, għandna noqgħodu ħafna attenti minnha għax ix-xitan juża’ din l-arma biex ikisser il-Knisja u jisirqilna l-kelma mill-qalb tagħna.  

    Ġużeppi sema’ l-kelma ta’ Alla għal darba, darbtejn, u iżjed, fil-ħolm. Il-Papa Franġisku huwa devot ħafna ta’ xbieha ta’ San Ġużepp, li aħna ma tantx aħna mdorrijin biha, imma minħabba l-Papa Franġisku, din ix-xbieha qiegħda tixtered iżjed fostna; ta’ San Ġużepp rieqed u anġlu li qed ikellmu. Għaliex Alla kellem lil San Ġużepp dejjem fl-irqad. Imma San Ġużepp sema’ l-kelma tal-Mulej, u mhux biss fehemha. L-Evanġelju, kull darba li jsemmi dan id-djalogu ma’ San Ġużepp fil-ħolm jgħid, “Meta qam Ġużepi għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej”. Pereżempju: “Ġużeppi, tibżax tieħu lil Marija għandek għax dak li qiegħda ġġor f’ġufha ġej mill-Ispirtu s-Santu […] Kif qam, Ġużeppi ħa lil Marija għandu” (ara Mt 1, 20.24) id-dar tiegħu, aċċettaha bħala l-mara uffiċjali tiegħu u allura kien se jieħu ħsieb it-tarbija Ġesù li kienet fil-ġuf ta’ Marija.   

    Hekk ukoll meta javżah biex iqum “ħu lil ommu u lit-tifel fl-art tal-Eġittu biex isalvahom” (ara Mt 2, 13). Hekk ukoll meta jerġa’ javżah “dak li ried jeqred lit-tifel m’għadux ħaj, tista’ tirritorna” u hekk irritorna Nazaret (ara vv.19-21). Ġużeppi jisma’ l-kelma, jifhimha, u jwettaqha.

    Irid ikun ukoll mela mhux biss titlu sabiħ ta’ din il-parroċċa, imma eżempju sabiħ. Ġużeppi ma ħalliex l-għawġ u t-taħbit minħabba l-kelma, ifixklu. Ġesù jsemmi din il-kategorija ta’ nies: “Li nżera’ f’art kollha blat, jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma u malajr jitfixkel”. San Ġużepp ma tfixkilx u kellu jitħabat biex jobdi l-kelma tal-Mulej; kellu anke jmur fl-eżilju fl-Eġittu u jerġa’ jibda jfittex ix-xogħol hemmhekk biex jgħajjex il-familja ta’ Marija u ta’ Ġesù.   

    Imma hu kien dak li mhux biss ma ħalliex “il-ġibdiet ta’ din id-dinja joħonqulu l-kelma” jew inkella “l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ ta’ din id-dinja” imma mexa kif qallu l-Mulej u ħaddan il-missjoni li afdalu. Għalhekk, San Ġużepp, huwa wkoll eżempju sabiħ ta’ min sema’ l-kelma, fehemha u għamilha.     

    Din hija t-talba li jiena nagħmel fuq din il-parroċċa għażiża. Allura rridu naħdmu għall-għaqda bejnietna, irridu naħdmu biex inkunu verament dixxipli tal-Mulej, irridu wkoll nieħdu ħsieb li ma nħallux lill-ħażin jisirqilna l-kelma mill-qalb tagħna imma nibqgħu ngħożżuha, nibqgħu anke ngħożżu t-tagħlim tal-Knisja, nimxu fuqu anke meta dan ifisser li jkollna nħallsu prezz mhux irħis, għaliex? Għaliex aħna m’għandniex għalfejn. Ġesù jikkwotalna l-profeta Isaija: “tisimgħu kemm tisimgħu, ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma  tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset: kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom u għalqu għajnejhom” (Mt 13, 14-15). 

    Aħna, bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, nitolbu biex dan il-poplu għażiż ikollu din il-barka: “Intom issa ħenjin għajnejkom għax qegħdin jaraw, ħenjin widnejkom għax qegħdin jisimgħu” (v. 16). Tgħidu: x’qegħdin naraw? Qegħdin naraw lil Ġesù fil-proxxmu tagħna. X’qegħdin nisimgħu? Qegħdin nisimgħu l-kelma tiegħu li tistedinna nħobbu lil xulxin, nirbħu l-firda bejnietna u nħobbu l-Knisja tiegħu. Jalla bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, din il-parroċċa tkun qalb kbira li tagħmel ħafna frott.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta