L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għadna kemm ilqajna lil dawn iż-żgħażagħ li qed juru d-disponibbiltà tagħhom biex ikunu istitwiti, magħżula għall-ministeru tal-Lettorat, jiġifieri dawk l-persuni li fil-miġemgħa tagħna jħabbru l-Kelma t’Alla. Hemm vers sabiħ li jgħaqqad dak li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor, mal-festa sabiħa li qed niċċelebraw illum. Fis-salm hemm miktub: “musbieħ għal riġlejja l-Kelma tiegħek” (Salm 119:105).

Jiena nawguralkom f’din l-festa tal-Epifanija – festa tad-dawl, festa mmexxija mill-Kewkba, għajn ta’ dawl, li l-Kelma t’Alla – għeżież Marvic, Daniel u Luke – tkun il-musbieħ għal riġlejkom. Riġlejn li jinterpretaw dak li jgħid il-moħħ u l-qalb. Ir-riġlejn huma s-sinjal tal-appostolat. Intom qegħdin tingħataw li twasslu l-Evanġelju fit-truf kollha tad-dinja.

Illum nisimgħu lill-Profeta Iżaija jgħidilna: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir” (Iż 9:1) jolqotni ħafna dan il-vers għax fil-liturġija jerġa’ jitfakkar ukoll l-evanġelizzazzjoni ta’ pajjiżna fil-festa tan-Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Iż 9:2-3). U f’din il-festa ta’ dawl, imwieżna mhux biss mill-kewkba imma wkoll mill-Kelma t’Alla, li tindika lil Bethlehem bħala dik mhux l-iċken fost l-ibliet l-kbar ta’ Ġuda (ara Mt 2:6), f’din il-festa nitlob għalikom biex il-Kelma t’Alla tkun musbieħ għal riġlejkom tul ħajjitkom kollha.

Biex iseħħ dan fil-qalb tagħkom hemm bżonn umiltà kbira. Imma wkoll għamlu ħiltikom biex tifhmu aktar il-Kelma t’Alla, ixxenqu biex tistudjawha fil-profond, skont il-kapaċitajiet li tagħkom Alla, ħalli tkunu tistgħu taqsmu kelma bnina għall-poplu t’Alla. Itolbu li tgħixu skont dak li taqraw, ifhmu li qed ixxandru aħbar tajba u li intom, ħajjitkom, tridu tkunu aħbar tajba għall-poplu tagħna.

Għadna wkoll kemm smajna t-tħabbira tad-data tal-Għid il-Kbir għax il-festa tal-lum tħares ukoll lejn l-Għid. Illum il-Mulej – tarbija ċkejkna ġo Betlehem – wera lilu nnifsu lill-ġnus li ġew mill-bogħod.  Hu rċieva r-rigali tad-deheb għaliex huwa sultan, tal-inċens għax hu l-Iben t’Alla, u tal-mirra li se tintuża fid-difna tiegħu. (Id-difna hija dik l-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut biex ma tibqax weħidha imma biex tagħmel ħafna frott (ara Ġw 12:24).)

Ejjew nitolbu llum ukoll, aħna u niċċelebraw fil-liturġija l-magħmudija tal-Mulej u t-tieġ f’Kana tal-Galilea, fejn “wera l-glorja tiegħu” (Ġw 2:11) lid-dixxipli tiegħu, li intom tħossukom ulied maħbubin mill-Mulej, bħala ulied għeżież li fikom il-Missier isib il-għaxqa tiegħu. Ukoll, tkunu dawk l-ħbieb tal-għarus li bħal San Ġwann il-Battista tgħidu: “Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3:30).

Nawgralkom ħafna mill-qalb!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72):1-2,7-8,10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a,5-6
L-Evanġelju: Mt 2:1-12

Aktar ritratti