L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Bħalma jħenn il-Missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu” (Salm 102:13). Is-salm 102, jantiċipa dak li qed jipprova jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum; b’ħafna tixbihat, li f’widnejna jinstemgħu pjuttost qawwija ħafna u strambi. “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħitkom, itolbu għal min iżeblaħkom” (Lq 6:27-28). Imma dan kollu jinġabar fil-kelma li jgħidilna lejn l-aħħar ta’ din is-silta qawwija, mill-kapitlu 6 ta’ San Luqa: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Hawnhekk Ġesù jirrispetta u jirrepeti l-kelma sabiħa ta’ salm 102, li nkiteb mijiet ta’ snin qabel Ġesù; għax is-salm għaraf lil Alla, bħala l-Missier.
Hawn xi ġenitur hawnhekk, li anke jekk ibnu jkiddu, u jġiegħlu jirrabja, ma jiqafx f’mument kwiet u jgħid: ‘imma dak ibni, dik binti’? Allura biex nifhmu lil Alla, irridu nifhmu l-qalb tal-omm u tal-missier. Ġesù, meta kellimna dwar Alla, ma tantx uża artikli kbar tal-għorrief, imma qalilna itolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9). Għallimna nitolbu wkoll: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Għallimna, li għal xulxin irid ikollna l-istess imħabba li għandu l-missier jew l-omm għal uliedhom.
Allura jekk ħuk, jekk ibnek, qed ifixklek u jinkwetak, forsi sar għadu tiegħek; il-qalb tiegħek mhux se titbiddel, se tibqa’ ta’ ġenitur. U rridu nużaw dan il-kejl meta naħsbu f’xulxin. Jerġa’ jirrepeti Ġesù: “intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid… u tkunu wlied Alla l-Għoli” (Lq 6:35).
Forsi xi ħaġa li aħna s-saċerdoti għandna bżonn nisimgħuha qabel kulħadd, jgħidilna: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra” (Lq 6:37). Imma din il-kelma mhux għalina biss, imma għal kull wieħed u waħda minna. Tiġbor l-atteġġjament li jrid ikollna għal xulxin.
Għażiż Fr Ronnie, jiena u nafdalek din il-komunità, u nafda lilek ukoll lill-komunità, nitolbok li jkollok dik il-qalb ta’ missier, li tirriffjuta li tiġġudika jew tikkundanna; imma lesta li twassal l-Aħbar it-Tajba tal-maħfra, ta’ rikonċiljazzjoni, tal-imħabba li għandha post f’qalbek għal kulħadd. Ir-ragħaj hu msejjaħ biex ikollu qalb kbira li tesa’ lil kulħadd u li għandha spazju għal kulħadd.
Taqtax qalbek, il-Mulej hu miegħek, ibqa’ ħabbat fuq il-bibien, għax il-Mulej li qed twassal qed jistenniek ukoll wara dak il-bieb
Inti taf, li fiċ-ċirkustanzi tal-lum wara t-trawma tal-pandemija, bħal kull kappillan ieħor, hemm bżonn terġa’ tibda tħabbat fuq il-bibien tal-parroċċa u tiġbor il-merħla. Hawn min se jgħidlek, jien komdu fuq is-sufan nisma’ l-isqof. Imma inti tista’ tgħidlu: veru m’iniex l-isqof, imma l-isqof mit-televixin ma jistax jitimgħek il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Inti fuq it-televixin, komdu fuq is-sufan, ma tistax tiltaqa’ ma’ ħutek flimkien, u tesprimu flimkien il-fidi, l-imħabba u t-tama f’Alla. Tajjeb li tisma’ l-kelma tal-isqof. Jiena stess ngħidilkom li hi idea tajba; imma kemm hi ħaġa sabiħa, li l-komunità tinġabar fid-dar li nbniet lil Alla, u lilha nnifisha miġbura madwar Alla, biex tkun il-poplu t’Alla fil-mixja tiegħu lejn is-sema. Minn hawnhekk, irridu niġu mhux biex nisimgħu l-Kelma tal-Mulej biss; imma biex inħarsu f’wiċċ xulxin u fil-mument tal-paċi, anke jekk insellmu lil xulxin; nimpenjaw ruħna li jkollna għal xulxin il-qalb u l-ħarsa tal-omm u tal-missier, ħarsa ta’ ħniena, ħarsa ta’ mogħdrija.
Il-Mulej qed jibgħatek fost il-poplu ta’ Santa Luċija, għażiż Fr Ronnie, u dak “li jaħfer id-dnubiet kollha, li jfejjaq il-mard tagħna kollu; li jifdi lil ħajjitna mill-qabar; il-Mulej li jħaddanna bit-tjieba u l-ħniena” (Salm 102:3-4). Inti trid tkun strument tal-ħarsa t’Alla fuq kull wieħed u kull waħda mill-komunità għażiża ta’ din il-parroċċa. Fil-ħajja tiegħek ta’ mħabba safja, leali u fidila, trid tfakkarna li aħna msejħin biex nittrasformaw ruħna fil-bniedem tas-sema. Li jista’ jitlef aspetti tan-natura imma qatt mhu se jitlef is-sejħa għall-imħabba, il-qalb li tħobb. Jalla fil-ħarsa tiegħek, inti u timxi fit-triqat, int u titla’ t-tarġiet u tinżilhom, u tħabbat fuq il-bieb tan-nies, li issa ma jistgħux joħorġu iżjed mid-djar tagħhom, minħabba l-anzjanità jew il-mard, lil min jiftaħlek jew jisimgħek mill-kaxxa tal-ittri, jagħraf il-leħen tar-ragħaj, li qed jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-leħen tal-imħabba, il-leħen tal-maħfra, il-leħen tal-paċi, il-leħen tat-tabib tar-ruħ.
Aħna, fik u miegħek, inbierku lill-Mulej. Nawgurawlek missjoni fejjieda, immarkata mill-ubbidjenza lejn l-isqof, lejn l-imħabba lejn il-presbiteri li l-Mulej jibgħatlek biex jaħdmu miegħek f’din l-għalqa tal-poplu t’Alla, nitlob fuqek il-barka speċjali li l-Mulej inissel bl-eżempju tiegħek u bil-ministeru tiegħek, ix-xewqa fiż-żgħażagħ tagħna, il-ftit li hemm jew il-ħafna, li jsegwu fuq l-eżempju ta’ tant saċerdoti qaddisa li servew f’din il-parroċċa, mit-twaqqif tagħha. Tant lajċi li skoprew il-kelma u l-imħabba ta’ Ġesù hawnhekk. Tant familji li trabbew fil-għożża tal-preżenza ta’ Ġesù f’nofshom. Din is-soċjetà għandha għatx għall-imħabba; u dak l-għatx għall-imħabba hu għatx għal Ġesù. Inti u tgħaddi fit-toroq ta’ Santa Luċija, fost il-ħafna ġonna li hawn, se tara xi warda u kultant xi xewka. Taqtax qalbek, il-Mulej hu miegħek, ibqa’ ħabbat fuq il-bibien, għax il-Mulej li qed twassal qed jistenniek ukoll wara dak il-bieb, biex idderri s-sitwazzjoni tiegħu, tfejjaq il-ġerħat tiegħu, u tħaddnu bil-barka ta’ min iħobb tassew.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta