L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi” (Mt 8:8). Dan hu l-kliem li ċ-ċenturjun jgħid lil Ġesù, u ninnutaw mal-ewwel li jixbaħ ħafna l-kliem li aħna ngħidu fil-quddiesa, propju qabel it-tqarbin. Aħna ħadnieh, naturalment, mill-kliem miċ-ċenturjun, u ngħidu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi”. Iċ-ċenturjun qal hekk lil Ġesù għax ma ħassux denn li Ġesù jmur id-dar – għalhekk “taħt is-saqaf” tad-dar tiegħu. Aħna ngħidu hekk, għax aħna wkoll ma aħniex denji li Ġesù jiġi għandna, għax aħna midinbin – li nirċevuh fina fl-Ewkaristija.
“Ma jisħoqqlix.” Din hi kelma hekk importanti għalina, għax turina li kull meta aħna nersqu biex nirċievu lil Ġesù fl-Ewkaristija, Ġesù ma jiġix fina għax aħna tajbin, imma għax hu tajjeb. Ma jiġix fina bħala premju għat-tjubija tagħna, imma bħala rigal tal-imħabba tiegħu.
Għalhekk mhux għax jien nagħmel xi ħaġa tajba jiġi fija Ġesù, imma sforz l-imħabba kbira tiegħu. Bħalma Ġesù sar bniedem fostna, ħaġa waħda magħna, hekk jiġi fina, fil-ħajja tagħna, speċjalment permezz tal-Ewkaristija.
Imma ċ-ċenturjun jgħid ħaġa oħra wkoll. Jgħidlu: “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int ordna biss b’kelma u l-qaddej tiegħi jfiq”. Daċ-ċenturjun kellu din il-konvinzjoni li Ġesù b’kelma jfejjaq il-qaddej tiegħu. B’kelma li jgħidha mill-bogħod, il-qaddej ifiq. Iċ-ċenturjun ma kienx wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù, minn dawk qrib tiegħu jew dawk li jimxu warajh; imma kellu din il-konvinzjoni li din il-kelma kienet kelma hekk qawwija li ma għandux għalfejn jasal sad-dar tiegħu, imma jgħidha mill-bogħod u l-qaddej tiegħu jfiq.
Aħna wkoll hekk ngħidu fit-talba ta’ qabel it-tqarbin: “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Kemm hi talba sabiħa din! Qed ngħidu lill-Mulej: il-kelma tiegħek hi għalina duwa fil-ħajja tagħna, u l-preżenza tiegħek hi preżenza kollha mħabba li lilna f’ħajjitna ġġibilna l-paċi u l-imħabba tiegħek. Din il-preżenza tal-Mulej fina dejjem tagħmel il-ġid, u tagħtina l-barka mingħand il-Mulej.
Aħna naraw dan ix-xebh kbir bejn it-talba li nagħmlu qabel it-tqarbina u l-kliem taċ-ċenturjun. Imma rridu niftakru li ċ-ċenturjun qal dak li qal għax kellu fidi kbira f’Ġesù. Tant hu hekk li Ġesù stess ifaħħar il-fidi taċ-ċenturjun, u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Israel ma sibt fidi bħal din” (Mt 8:10). Imma mhux biss il-fidi, imma fiċ-ċenturjun naraw ukoll l-umiltà tiegħu. Dan il-bniedem, li kellu n-nies taħtu – u hawn jitkellem fuq is-suldati li għandu taħtu, li hu jgħidilhom x’għandhom jagħmlu u fejn imorru, u huma jobdu – dal-bniedem għaraf li għandu n-nies taħtu imma Ġesù mhux wieħed minn dawk taħtu li hu jordna lil Ġesù x’jagħmel; imma l-kontra, Ġesù għandu l-kelma li tordna x’isir. Dal-bniedem kellu din l-umiltà; ma tkabbarx fl-istat tiegħu imma kellu dil-qalb miftuħa għal Ġesù. Ifakkarna kemm hu importanti li aħna wkoll nagħrfu li ma aħniex aħna li se ngħidu lil Ġesù x’jagħmel, imma niftħu qalbna għalih, għall-kelma tiegħu, għall-preżenza tiegħu f’ħajjitna li ġġib il-ġid.
Nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi, biex ikollna l-fidi bħal dan iċ-ċenturjun; u nitolbuh ukoll li dejjem ngħidu bil-qalb din it-talba, kemm jekk se nirċievu lil Ġesù fl-Ewkaristija, kif ukoll jew jekk ma nistgħux u għalhekk nagħmlu t-tqarbina tax-xewqa – ngħidu din it-talba tant sabiħa, ġejja minn din il-ġrajja li smajna llum fl-Evanġelju: “Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju