L-ewwel kelma li tiġi f‘qalbi hija l-kelma ‘grazzi’. Grazzi lil dan it-tim, li qed jagħmel xogħol diffiċli, iva, imma imprezzabli, essenzjali.

F’dinja fejn hemm ħafna sorsi, tajjeb li aħna noffru servizz li persuna tkun tista’ tafdah. Ovvjament, il-fiduċja trid takkwistaha pass wara pass, kuljum. U din il-fiduċja tibnuha intom bil-professjonalità tagħkom, bil-kapaċità li tgħarblu s-sorsi, bl-umiltà li intom stess tkunu l-widna ta’ min m’għandux vuċi. Għax qabel titkellem f’isem xi ħadd, trid tisimgħu.

Għalhekk nawguralkom li tkunu anke preżenza. Ma tistgħux tkunu kullimkien. Ir-riżorsi jibqgħu limitati. Imma tajjeb li aħna ngħarblu l-baraxx ta’ informazzjoni li tiġi għandna, qabel ma nittrasmettuha. Għax jista’ jkun li xi ħaġa umli li nittrasmettu aħna, nagħtuha dinjità, imma jekk gidba  nittrasmettuha aħna, issir strument ta’ ingann. Hija responsabbiltà kbira.

Imma nixtieqkom tkunu konvinti, mhux biss bis-sapport tal-Knisja, imma wkoll mid-dinjità tal-vokazzjoni tagħkom, li intom titfgħu d-dawl tal-verità u tal-kompassjoni fuq l-istejjer umani, fuq dak li jiġri, u twasslu informazzjoni, aħbarijiet, kummenti, opinjonijiet diversi imma fl-istess ħin rispettużi, u b’rispett lill-poplu tagħna. 

Hemm limitu ta’ x’jidħol hawnhekk. Il-limitu huwa li hawnhekk jidħol dak kollu li hu san. U m’għandniex spazju għall-velenu tal-mibgħeda, tal-intolleranza, tal-kefrija. Aħna rridu nkunu preżenza li twassal id-dawl mhux id-dlam. U għandna nkunu kburin li aħna ma nbigħux kollox għax m’aħniex għall-bejgħ. Għandna noffru servizz li jista’ jkun t’għajnuna għall-umanità. 

Nirringrazzjakom u nawguralkom.