L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ma nafx jekk smajtux bil-kelma ‘sinodu’. Kulħadd jitkellem fuq is-Sinodu; kollox sinodu. Imma din il-kelma xi tfisser? Ġejja mill-Grieg súnodos u tfisser ‘triq waħda’ jew inkella ‘triq flimkien’, li nimxu flimkien. Fl-Evanġelju li smajna llum, Ġesù juża din it-tixbiha: meta tkun għadek fit-triq ma’ min jixtieq itellgħek il-qorti —jew ma’ min għandu għalxiex itellgħek il-qorti— tkunu qegħdin f’mixja flimkien, sinodali. Għalhekk, irranġaw, aħfru lil xulxin u ħennu għal xulxin.
Aħna kultant ikollna mumenti ta’ dgħufija u għalhekk tajjeb li nużaw mogħdrija u ħniena għal xulxin. Inħennu għal xulxin. Nistaqsu lilna nfusna: kieku kelli nsib ruħi f’dik iċ-ċirkustanza, kif nixtieq li ħaddieħor jittrattani? Mhux bil-paċenzja u l-kelma t-tajba? Hekk nippruvaw nagħmlu lil xulxin.
… il-mibegħda twassal għall-assassinju.
Din il-ħaġa li niftehmu bejnietna, naħfru lil xulxin u nirrispettaw lil xulxin, Ġesù jpoġġiha iżjed importanti mill-kult. Kemm noffru quddiesa u nagħmlu rużarji, noveni u purċissjonijiet? Imma għal Ġesù l-iżjed ħaġa importanti hi l-imħabba ta’ bejnietna. Jekk għandek xi tgħid ma’ ħuk jew ħuk għandu xi ħaġa kontrik, Ġesù jgħidlek biex l-ewwel tirranġa ma’ ħuk qabel ma tiġi bl-offerta u tixgħel ix-xemgħa u tagħmel il-fjuri quddiem il-Madonna, jew tixtrilha xi kuruna tad-deheb.
Min joqtol tarbija fil-ġuf ma jistax jgħid li hu progressiv! Lanqas jista’ jgħid li huwa liberali jew inkella li qed jiddefendi xi dritt ta’ xi ħadd.
Imbagħad Ġesù jaqbad il-kmandament ‘la toqtolx’ u jgħid li anke min jagħmel hate speech. Hemm tliet livelli ta’ hate speech li Ġesù jsemmi: kontra ħuk, dak qed jibda joqtol bil-mibgħeda għaliex —kif anke nafu fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna— il-mibegħda twassal għall-assassinju. Nobogħdu tant lil xi ħadd li nkunu lesti anke li ntajruh. Min jista’ jifhem, ħa jifhem.
Imma l-kelma ‘la toqtolx’ mhijiex biss fir-rapport ta’ bejn il-kbar iżda s-soċjetà trid tieħu dan il-kmandament antikissimu ta’ Alla bħala sinjal ta’ ċiviltà. Min joqtol tarbija fil-ġuf ma jistax jgħid li hu progressiv! Lanqas jista’ jgħid li huwa liberali jew inkella li qed jiddefendi xi dritt ta’ xi ħadd. It-tarbija xi dritt għandha f’ċirkustanza bħal dik? U meta nirreferu għal tarbija nkunu qed ngħidu għall-bidu tal-ħajja, mit-tnissil. Ma noqogħdux nilagħbu! Anke jekk ikun hemm xi ħadd bil-kullar u jgħidilkom li għax il-filosofi u l-għorrief jgħidu li mhux mat-tnissil. It-tagħlim huwa ċar ħafna: il-ħajja umana tibda mit-tnissil u rridu nirrispettawha, hi min hi u hi f’liema ċirkustanza hi.
Bħalissa qed niddiskutu —bl-iskuża li jkollna trabi f’saħħithom— li niċċekkjaw jekk humiex morda jew le. Ix-xjenza hi għarfa u tgħinna, imma dawk li huma morda x’se nagħmlu bihom? Narmuhom? U jekk tgħidli ‘le’ li mhu se jiġrilhom xejn, imma waqt li qed niċċekkjaw jekk humiex f’saħħithom jew le, wieħed minn ħamsa jmut biex niċċekkjaw jekk huwiex f’saħħtu. Sewwa! Inti tiċċekkja jekk iniex f’saħħti, u toqtolni. Tagħmel sens din? Inti tridni f’saħħti jew qed tikkundanna wieħed minn ħamsa minna li mmutu?
Noqogħdu attendi u ma niċċajtawx ma’ Alla fuq il-kwistjoni tal-ħajja, u nitkellmu ċar, bħalma nispera qiegħed nagħmel jien.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slaten 18:41-46
Salm: 64 (65), 10abċd, 10e-11, 12-13
L-Evanġelju: Mt 5, 20-26