L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Meta Ġesù sema’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija” (Mt 4:12). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew illum. Għall-bidu forsi naħsbu: Ġesù hawnhekk kien qiegħed jaħrab? Iwarrab minn fejn kien hemm l-inkwiet? Imma, fil-fatt, naraw li Ġesù mhux ħarab, imma bidel il-post biex jista’ jaqdi hemmhekk il-missjoni tiegħu. Dak li deher bħala falliment – jiġifieri li kienu arrestaw lil Ġwanni li kien qed jipprepara t-triq għalih, għal Ġesù – inbidel, fil-fatt, f’sitwazzjoni ġdida. Ġesù, minflok ħabbar is-Saltna ta’ Alla f’Ġerusalemm, mar il-Galilija, f’post pjuttost imwarrab u fejn kien hemm anke l-pagani, u hemmhekk beda jaqdi l-missjoni tiegħu.

Din turina, mal-ewwel, li Ġesù qatt ma beża’, imma kien jibdel il-post biex jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu u jilħaq aktar nies. Hawnhekk, fil-fatt, laħaq diversi nies. Kif smajna fl-Evanġelju, mhux biss in-nies tal-post, imma kienu jmorru minn postijiet differenti, jiġifieri “mid-Dekapoli, minn Ġerusalemm u mil-Lhudija, u mill-inħawi ’l hemm mill-Ġordan” (Mt 4:25) – u jmorru għax hu kien qed jaqdi hemmhekk il-missjoni tiegħu.

Ninnutaw mal-ewwel kif tixtered il-Kelma ta’ Alla – u din fi żmien Ġesù, imma, fil-fatt, hekk kibret il-Knisja. Il-Knisja ma kibritx f’sitwazzjoni ideali, jiġifieri meta l-affarijiet mexjin tajjeb u ma hemmx problemi. Il-Knisja kibret f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, ta’ persekuzzjoni, u minn hawn l-Insara marru hemm, u marru post ieħor – għax kienu ppersegwitati hawn, imorru post ieħor – u hekk xterdet il-Kelma ta’ Alla. Dak li fil-bidu jidher qisu falliment – hawn ma aħna se nagħmlu xejn – fil-fatt iservi, għax Alla joħroġ it-tajjeb mill-ħażin, biex il-Kelma ta’ Alla tixtered f’postijiet oħra. U hekk ġara hawn, u hekk ikompli jiġri dejjem, bħalma ġara fl-ewwel żminijiet fl-Istorja tal-Knisja. Il-Kelma ta’ Alla tkompli tixtered, anke meta hemm sitwazzjoni ta’ persekuzzjoni, ta’ tbatija, għax din hija l-Kelma ta’ Alla li tgħaddi minn post għal ieħor.

Ninnutaw, f’din is-silta, kif il-ħidma ta’ Ġesù hi ħidma li ġġib il-ġid u teħles il-bniedem. Mhux biss il-Kelma tiegħu, imma l-Kelma msieħba mal-azzjoni. Hawnhekk, meta jgħid li Ġesù beda jxandar il-Kelma, qalilhom “indmu” (Mt 4:17) – jiġifieri: agħżlu direzzjoni ġdida għall-ħajja tagħkom. Imbagħad beda mhux biss jgħallem fis-sinagogi, imma “jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu” (Mt 4:23). Kulfejn kien Ġesù: dejjem preżenza li ġġib il-ġid, li ġġib il-fejqan, li ġġib il-ħelsien. 

Dik kienet l-esperjenza ta’ dawn in-nies, u dik hi l-esperjenza tagħna wkoll illum. Kulfejn Ġesù hu preżenti, dejjem se jagħmel il-ġid. U lilna, kull wieħed u waħda minna, Ġesù jgħinna fil-ħajja tagħna, jeħlisna minn dak li hu ta’ tfixkil, minn dak li b’xi mod jew ieħor jorbotna mal-ħażen. Ġesù jeħlisna biex jagħtina din il-ħajja ġdida. Din hi l-esperjenza tan-nies fi żmienu, u din hi l-esperjenza wkoll tagħna llum. 

Għalhekk, illum tajjeb li nagħmlulu dit-talba lill-Mulej: biex inħalluh jibdilna, ifejjaqna, jagħtina l-ħelsien, jagħtina dak li f’ħajjitna tassew jimla l-qalb tagħna. U jgħinna biex aħna nkunu dawk li nwasslu lill-oħrajn għandu. Hawnhekk, tindunaw mal-ewwel kif kien hemm min kien kontra Ġesù – bħalma kien hemm min kien kontra Ġwanni – imma kien hemm nies oħra li ġabu lil oħrajn għand Ġesù. Għalhekk kien hemm “folol kbar” (Mt 4:25) minn postijiet differenti li ġew għand Ġesù. Nitolbu biex aħna wkoll ikollna f’qalbna dil-grazzja tiegħu li timlielna ħajjitna u tgħinna biex inkunu dawk li nwasslu lill-oħrajn għandu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta