•  

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja tal-Familja Mqaddsa, Iklin

    6 ta’ Mejju 2017

    Dan ir-raba’ Ħadd tal-Għid nafuh ukoll bħala l-Ħadd tar-ragħaj it-tajjeb. Huwa ta’ ferħ kbir għalija li nkun magħkom, nilqa’ mingħandkom ir-rigal, id-don ta’ dan it-tempju u nikkonsagrah lil Mulej. B’xi mod dan it-tempju huwa parabbola tal-preżenza tal-Insara fis-soċjetà kontemporanja. Meta tkun għaddej minn Triq Dun Karm, ma tarahx; tara l-ħwienet. Biex issibu trid iddur u mbagħad tinżel ftit ’l isfel. M’hawn l-ebda kampnar li jindikah, l-ebda koppla li turik li hawn dan it-tempju. Huwa tempju bi preżenza umli u modesta.

    Madwari hawn ħafna saċerdoti li b’xi mod, bejniethom u mhux biss, inisslu fina sentimenti ta’ nostalġija imma djarju ħaj tal-istorja tagħna. Fil-parroċċa ta’ Ħal Lija għandna lil Monsinjur Mosé Borg u lil Monsinjur Ġużeppi Fenech. Intom tiftakruhom, b’mod speċjali s-seniors fostna, iqaddsu fil-kappelli preċedenti. Bdejna minn Ħal Lija u mbagħad bdejna nitbiegħdu ftit ftit biex ġejna hawnhekk. Nixtieq nirringrazzjahom tas-servizz dedikat qabel ma din il-komunità saret parroċċa.

    Illum, il-postijiet ta’ fejn kienu jsiru l-Quddies, twaqqgħu; sar bini ġdid, ħjiel tagħhom ma baqax ħlief fil-memorji ta’ min hu matur fiż-żmien, imma dan it-tempju irid jiġbor ukoll, u llum se nikkonsagrawh, dawk il-memorji kollha, id-dedikazzjoni, il-ġenerożità u x-xogħol li sar biex tinbena din il-komunità.

    Għaliex aħna qed nikkonsagraw bini tal-ġebel u tal-konkos imżejjen kif jixraq, bl-irħamijiet, imma fuq kollox qed nikkonsagraw komunità. Jiena għaddej u nbierek il-pilastri ta’ dan it-tempju, li minn hawn u ftit ieħor se jiġu kkonsagrati, berikt ukoll lil komunità. Bdejt minni nnifsi, għax jiena mal-ġenituri u ma’ ħuti kont ngħix hawnhekk fiż-żmien tal-parroċċa ta’ Ħal Lija.

    Ma bnejniex katidral imma importanti li ninbnew f’komunità ta’ fidi, ta’ tama u ta’ ħajja u fl-istess ħin ukoll nibqgħu niġu hawnhekk nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Nirringrazzjaw lil Alla tas-saċerdoti li b’dedikazzjoni, fil-maltemp u fil-bnazzi, ikunu ta’ servizz. Nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna. L-Iklin qed tikber anke fl-età. Iż-żgħażagħ li niftakar jien illum iżżewġu u għandhom it-tfal, m’għadhomx jgħixu hawn u m’għadx baqa’ ħafna koppji li għandhom tfal żgħar. Qed nieħu pjaċir nara grupp sabiħ ta’ abbatini. Nixtieq nirringrazzjakom għeżież abbatini tas-servizz tagħkom. Nirringrazzja lill-ġenituri tagħkom li jġibukom hawnhekk. Intom il-futur! Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lis-saċerdoti li qed jaħdmu hawnhekk preżentament; il-Kappillan Dun Keith Bonnici, Dun Pawl Camilleri u anke lil Monsinjur Anton Vella. Intom issibuhom kull ħin. Għandkom ukoll ix-xorti tisimgħu l-kelma tagħhom huma u jaqsmu magħkom il-ħobż tal-Kelma. F’dan il-Ħadd iddedikat lil vokazzjonijiet, nitolbu għalihom u biex mill-Iklin ikun hawn aktar vokazzjonijiet. Jien niftakar f’żewġ vokazzjonijiet mill-Iklin: lill-Ġiżwita Fr Josef Briffa u lis-Sależjan Fr Gerard Mangion, u issa nitolbu wkoll għal Sinclair u għal Matthew. Dawn huma frott ta’ dan l-ambjent. Illum, il-familija ta’ Sinclair m’għadhiex toqgħod magħna, imma trabba magħna. Lil Matthew niftkaru abbati meta kont inqaddes fi Triq Ġużeppi Calleja.

    Kemm għandna mexxejja fid-dinja? Kemm għandna nies li jippretendu li jmexxuna? Aħna bħala Insara, il-mexxej tagħna hu Ġesù: hu l-kap, aħna nisimgħu leħnu

    Ġesù llum joffri lilu nnifsu bħala r-ragħaj u din il-kelma hija ta’ kuraġġ kbir għalina s-saċerdoti u l-isqfijiet. Għax aħna nissejħu ragħajja imma Ġesù jinsiti li ħu r-ragħaj: hu l-bieb u aħna rridu nidħlu permezz tiegħu. Dak li tagħmlu mal-parroċċa, dak li tagħmlu għall-komunitá, tagħmluhx għal wiċċ il-kapillan, wisq inqas għal wiċċ l-isqof. Agħmluh għal Ġesù. Intom imberkin b’dan it-titlu li tahulkom Monsinjur Ġużeppi Mercieca, u nixtieq nirringrazzjah ta’ dak li għamel mal-parroċċa tal-Iklin. Berikkom bit-titlu tas-Sagra Familja għax qed tqim lil Madonna u lil San Ġużepp u lil Ġesù li qiegħed f’nofshom, bħalma hu f’nofs il-komunità kull meta tiltaqa’ f’ismu, “fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm jien inkun f’nofshom” (Mt 18:20). U Ġesù huwa dak li jħabbar il-kelma tiegħu minn fuq l-ambone, meta tinqara l-kelma, ikun qed ikellimna hu, u hu jingħata fil-ħobż u l-inbid li jinbidlu fil-ġisem u d-demm tiegħu minn fuq l-artal.

    Ġesù jrid ikun il-protagonista tal-ħajja tagħna. Kemm għandna mexxejja fid-dinja? Kemm għandna nies li jippretendu li jmexxuna? U għandna bżonn fil-Knisja, fiċ-ċivil, imma aħna bħala Insara, il-mexxej tagħna hu Ġesù: hu l-kap, aħna nisimgħu leħnu. Meta jsejħilna, iseħilna wieħed wieħed u waħda waħda. Ġesù jafna: jaf il-qalb tagħna, jaf il-ġid li għamilna u li ħaddieħor ma jafx bih, jaf id-deni li għamilna u jaħfirulna, jaf il-preġji tagħna, jafna wieħed wieħed u waħda waħda. Lin-nagħaġ tiegħu jsejħilħom b’isimhom u joħroġhom fil-mergħat friski, joħroġhom barra jgħid, u dik il-kelma tfisser li għalkemm huma fil-maqjel, huma taħt il-kenn tal-ħarsa tiegħu, imsejħin biex ikunu preżenza attiva merħla tiegħu. Il-Mulej li jafkom wieħed wieħed, qed isejħilkom bħalma jagħmel f’kull Quddiesa meta s-saċerdot jgħidilkom “Morru fil-paċi ta’ Kristu”. Il-paċi li biha nsellmu lil xulxin f’isem il-Mulej irxuxtat, hija dik ukoll li takkumpanjana fit-toroq tal-ħajja, fuq ix-xogħol, fil-familja, fis-soċjetà. Aħna ħafna drabi ma nifhmux dak li qed jgħidilna Ġesù imma Ġesù jerġa’, b’paċenżja kbira, jirrepeti dak li jixtieq jgħidilna. U aħna nirringrazzjawh tal-paċenzja li jieħu bina.

    L-aħħar kelma tiegħi nissellifha mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu li qrajna llum: “Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.” Aħna ħafna drabi nintelqu mat-toroq tal-ħajja, inkunu distratti, nogħtru fil-pellegrinaġġ tagħna u nkunu bħal nagħaġ mitlufa imma kull darba li tiġu hawn ftakru li għalkemm hemm barra hemm ħafna xi jfixkilna, intom tistgħu terġgħu lura kull ġimgħa, kull jum. F’dan il-post imbierek terġgħu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.

    Il-Mulej ikun magħkom dejjem u jalla din il-konsgrazzjoni ta’ dan il-bini li qed toffru lil Mulej ifakkarkom li intom il-ġisem ħaj ta’ Ġesù, intom il-merħla tal-ħajja tal-Mulej. Fih u fih biss issibu r-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office