• Direttur: Sean Anders
      Atturi:  Jason Bateman, Charlie Day, Jason Sudeikis, Jennifer Aniston, Jamie Foxx, Chris Pine u Christoph Waltz
      Ħin tal-Film: 108 min
       
      Klassifika taċ-Ċensura: 15
      Klassifika tal-Knisja: 18

      Nick Hendrick, Dale Arbus u Kurt Buckman,  tliet iħbieb tal-qalb,  xebgħu dejjem ikunu minn taħt u joqgħodu għall-kmandi ta’ oħrajn. Għalhekk ħadu deċiżjoni li jiftħu negozju għalihom bħala sħab, negozju li kellu x’jaqsam ma’ doxxox għal ħasil tal-karozzi. Għall-ewwel   kollox deher miexi  sew fil-pjan tagħhom. Waqt riklam fuq it-televiżjoni biex iħajjru n-nies jixtru dan l-apparat,  ir-riklam jiġbed l-attenzjoni ta’ Bert Hanson u t-tifel tiegħu Rex. Burt Hanson kien investitur għaqli li offra lit-tliet iħbieb li jidħol fi ftehim magħhom u jsellfilhom $500,00. Iżda ma jdumux ma jintebħu li hu kien qiegħed igħaddi ż-żmien bihom u jqarraq bihom. Dak li wiegħed qatt ma ġie,  b’riżultat li bdew isibu  diffikulta` li jkomplu jmexxu n-negozju tagħhom li għal bidu deher li kien sejjer tant tajjeb. F’qasir żmien bdew jigu wiċċ imbwiċċ ma’ falliment finanzjarju. X’jistgħu jagħmlu issa li sabu dan Hanson li minflok ta’ għajnuna kien ta’ xkiel serju għalihom?  Sfortunatament ma tantx kien hemm għażliet ħlief  li t-tlieta jippjanaw  li jaħtfu lil Rex, it-tifel ta’ Hanson biex b’hekk ikunu jistgħu bis-somma ta’ $500,000 li kienu sejrin idaħħlu  bħala rahan ikunu jistgħu jerġgħu jieħdu kontrol fuq in-negozju tagħhom. Fuq parir ta’ Dean Jones, li offra li jgħin, ħasbu li jiddrogaw lil Rex biex b’hekk ma jkunx jista’ joffri reżistenza. Biex jagħmlu dan ħasbu li jużaw gass tad-daħq. Iżda bħas soltu,  it-tliet iħbieb jagħmlu taħwida sħiha tant li jkollhom jabbortaw il-pjan li kellhom. Rex iżda ma kienx tal-istess idea. X’jiġri minn hawn?

      Film kummiedja,  Amerikan,  li ssegwi l-ewwel film li ħareg fl-2011, bl-isem ta’ Horrible Bosses. L-istorja tal-film toffri ħafna  ċajt goff  u doppju sens, kif ukoll immaġini b’mod grafiku ta’ sess każwali u anormali li jnaqqas id-dinjita`  tal-persuna umana. Hemm xeni wkoll ta’ adulterju u omosesswalita` barra wkoll kliem goff u ġesti oxxeni. Ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.