L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dak li ttradieh” (Mk 3:19). Kemm jispiċċa b’mod ikrah illum l-Evanġelju b’din il-lista tal-appostli: tnax-il appostlu, u l-aħħar wieħed, Ġuda l-Iskarjota, “dak li ttradieh”! Mhix sabiħa meta int qed tagħmel il-lista tal-appostli, proprju meta Ġesù għażilhom, u tispiċċa “dak li ttradieh”.
Ħa naraw x’għamel Ġesù hawnhekk, u anke mbagħad il-missjoni li tahom lil dawn l-appostli, u x’ifisser dan għalina llum. Hawnhekk Ġesù “tela’ fuq l-għolja” (Mk 3:13). Ġa għandna indikazzjoni ta’ manifestazzjoni importanti, għax fuq l-għolja hemm dejjem dak li jrid Alla, dak li se jħabbar b’mod partikulari. L-Evanġelju jgħid: “sejjaħ lejh lil dawk li ried” (Mk 3:13), u meta dawn resqu lejh, “għażel tnax li semmiehom appostli” (Mk 3:14). Ġa tolqotna s-sentenza “sejjaħ lejh lil dawk li ried”. Mela ma sejjaħx lejh lil dawk l-aktar intelliġenti fosthom, ma sejjaħx lejh lil dawk li kellhom xi età partikulari, jew ġejjin minn xi familja importanti; ma sejjaħx lejh lil dawk li kellhom xi konnessjoni partikolarment importanti, bħal xi konnessjoni reliġjuża jew ma’ min kien imexxi. Sejjaħ lejh lil dawk li ried. “Li ried”: dik hi l-espressjoni li tfisser li s-sejħa ġejja minnu.
Għażel tnax li semmiehom “appostli”. Appostli tfisser mibgħut, u dawn li hu għażel kellhom din il-missjoni partikulari: li hu jibgħathom biex ixandru l-Kelma ta’ Alla, kif naraw f’dan ir-rakkont. Li jolqotna ħafna huma t-tnax li għażel Ġesù. Mal-ewwel nindunaw – u iktar u iktar meta naqraw l-Evanġelju – li dawn ma kinux nies perfetti, kellhom id-difetti, il-limitazzjonijiet, l-iżbalji tagħhom. Dawn ma kinux nies li dejjem jifhmu ċar dak li kien qed jgħid – ġieli kellu biċċa xogħol biex ifehimhom. Dawn ma kinux nies li b’xi mod jew ieħor mal-ewwel intefgħu għall-missjoni, imma Ġesù kellu bżonn jiffurmahom. U, kif naraw minn dil-lista, dawn kienu nies li fil-fatt, fil-mument hekk importanti meta Ġesù spiċċa fuq is-salib, kollha ħlief wieħed abbandunawh. Pietru, li jissemma l-ewwel, ċaħdu; u Ġuda ttradieh.
Imma dawn ma kinux “dak li ried”? Huwa misteru dan, kif Ġesù għażel lil dawn, bħalma hu misteru wkoll kif jagħżel lilna. Hu misteru! Imma li jgħidilna l-Evanġelju hu l-ewwel nett li l-għażla ġejja minn Alla. Mhijiex għażla imposta, hija għażla dejjem libera li titlob tweġiba. Dawn kellhom diffikultajiet, imma eventwalment, meta Ġesù qam mill-mewt u bagħat fuqhom l-Ispirtu s-Santu, imbagħad ħarġu tassew b’missjoni. Ġuda – dak ittradieh, it-tweġiba tiegħu ma kinetx tweġiba ta’ lealtà, ta’ fedeltà, imma ttradieh.
Dan jgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna llum. Aħna kultant nimmaġinaw Knisja perfetta. U nkunu rridu l-perfezzjoni f’dawk li Ġesù għażel biex imexxu l-Knisja, jew biex ikunu ministri tiegħu. Hawn qed jgħidilna: anke f’dawk li għażel Ġesù mill-bidu, ma kienx hemm il-perfezzjoni. Ma kienx hemm nies li dejjem m’hemmx x’tgħid fuqhom. Dawn għażel Ġesù. Issa dan mhux biex aħna nikkunslaw, u ngħidu “mela mhix problema”. Le, lanqas xejn! Imma biex aħna nkunu nafu li aħna hawnhekk ma għandniex komunità ta’ nies perfetti, imma aħna midinbin li kontinwament il-Mulej irid jippurifikana u, jekk inħalluh, jibidlna. Bħalma hu dejjem jibdel il-ħażin f’tajjeb. Hawnhekk, fil-fatt, tolqotna li għalkemm jgħidlek “dak li ttradieh”, il-Mulej bidel dan it-tradiment fl-akbar att ta’ mħabba, meta salvana permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.
Għalhekk is-sejħa li jagħmel lilna hi proprju biex nagħrfu li mingħandu ġej il-ġid, mingħandu ġejja din is-sejħa, u aħna għandna nwieġbu għaliha, b’ġenerożità, b’fedeltà, b’imħabba sħiħa. U nagħrfu naqdu l-missjoni li tana Alla bħala Knisja. Hu jsemmi tliet affarijiet fuq il-missjoni tal-appostli: “biex jibqgħu miegħu, u biex jibgħathom jippridkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3:14-15). “Jibqgħu miegħu” l-ewwel, għax meta tibqa’ mal-Mulej li tgħix tassew b’fedeltà. Imbagħad inwasslu l-Kelma, inwassluha dejjem b’mod ċar u b’lealtà lejn il-missjoni li tana Ġesù. Jgħid ukoll “ikeċċu x-xjaten”, jiġifieri l-preżenza tagħna għandha tkun preżenza li tgħin, tillibera lill-bniedem mill-ħażen. Tgħinu biex isib ħajja ġdida.
Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nirriflettu fuq din is-sejħa li għamel, biex aħna lkoll nagħrfu li minnu ġejja s-sejħa, inwieġbu għaliha b’fedeltà, b’ġenerożità, u naqdu din il-missjoni sabiħa li Alla tana.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




