L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26).  Din il-kelma ta’ Gesù, illum nixtieq nimmaġinah, lil ommu, mhux biss jafdana f’idejha, imma jgħidilna wkoll, u jgħidilna fiex aħna. “Hawn hu ibnek, hawn hi bintek, hawn uliedek. Uliedek inkwetati minħabba n-nuqqas ta’ paċi fid-dinja. Uliedek li qegħdin jgħixu dan il-wied ta’ dmugħ u għandhom bżonn kelma ta’ tama.” Meta aħna nsellmulha fl-antifona b’talba sabiħa tas-Salve Regina, lill-Madonna nitolbuha tħares lejna b’din il-ħarsa ħelwa ta’ ħniena, tgħinna, lilna, li qegħdin ngħaddu minn dan il-wied tad-dmugħ u bil-ħarsa tagħha wkoll, tindikallna l-ħarsa ħanina ta’ Binha Ġesù. Lil ommu, il-Mulej jgħidilha, “ħu ħsiebhom. Hawn hu ibnek, hawn hi bintek, dawn uliedek”.

Qed jgħid hekk lid-dixxiplu l-maħbub. Kien hemm oħtha ħdejha, imma l-Mulej ma jafdax lil ommu għand il-familja naturali tagħha, għand oħtha, imma jafdaha għand id-dixxiplu, għand il-familja l-ġdida tiegħu, li aħna bil-magħmudija, sirna parti minnha. Illum, ejjew inħossu l-ħarsa tal-Madonna fuqna, li hija ħarsa ta’ omm, għaliex huwa l-Iben ta’ Alla stess – l-Iben t’Alla magħmul bniedem – li jafdana f’idejha. “Dawn huma wliedek.” U la l-omm, hija msejħa li tkun omm tassew, ma tistax ma tħobbx, ma tiħux ħsiebna, ma tagħmilx dak kollu li hemm bżonn, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Kemm hi sabiħa dik it-talba, li aħna tgħallimna ngħidulha miċ-ċokon, “Qaddisa Marija Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.” Tafu x’inkunu qegħdin nagħmlu kull darba li nitolbu dik it-talba? Qed ngħidulha, “O Madonna, kun miegħi, issa u f’ħajti kollha, sal-aħħar mument ta’ ħajti. Issa u fis-siegħa tal-mewt tiegħi.” U xi ħaġa sabiħa hija li ma nitolbux għalina nnfusna biss meta ngħidu Sliema u Qaddisa, “itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.” Kemm hi ħaġa sabiħa wkoll li ninutaw li meta nitolbu Sliema u Qaddisa nkunu qegħdin nitolbuha, u nitolbu għal xulxin. Għax ma ngħidilix, “itlob għalija, issa u fis-siegħa ta’ mewti,” imma, jiena lill-Madonna ngħidilha, “itlob għalina midinbin,”- għax hekk aħna – “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.”

“Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). X’inhu jgħidilna Ġesù meta jgħidilna din il-Kelma? – “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Qed jgħidilna l-ewwel nett, li hi li aċċettat li ssir ommna, hija ommna tassew, u aħna rridu ngħixu taħt il-ħarsien tagħha, dan huwa l-privileġġ tagħna. Marija Addolorata hija dik li tnissel lil ulieda fid-dulur u fil-prezz għoli tal-imħabba vera. Għaliex aħna meta niċċelebraw u nikkommemoraw id-Duluri ta’ Sidtna Marija, qegħdin niċċelebraw l-kapaċità kbira tagħha li tħobb. Li tħobb mingħajr ma tħares lejn kemm tbati biex tħobb. Lil binha ma abbandunatux, bagħqet miegħu sal-aħħar, u hekk se tagħmel miegħi u miegħek.

“Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Ma’ din l-istedina ta’ Ġesù lid-dixxiplu, huwa mhux biss kellu  jieħu ħsiebha, imma wkoll jimmitaha. “U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.” Saret parti minn ħajtu, kien jgħożżha, iħobbha bħala ommu, u jitgħallem mill-virtujiet tagħha. Hi stess tgħidilna x’inhuma, meta b’umiltà kbira tfakkarna li l-Mulej fiha “hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq1:48). Hemm il-barka li tatha Eliżabetta: “hienja dik li emmnet” (ara Lq 1:45). Mela, nsibu l-umiltà u l-fidi. Imma fil-Vanġelu niltaqgħu wkoll mal-Madonna li mhux biss hija umli u temmen, imma wkoll hija mara ta’mħabba u għożża kbira. Mill-kelma tal-anġlu, tagħraf li Eliżabetta qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala. U x’tagħmel? Titlaq “tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija” (Lq 1:39) u tibqa’ hemmhekk tliet xhur sat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Meta f’Kana tal-Galilija, mistiedna għat-tieġ ta’ xi ħadd, jew jiġi minnhom jew li kien jafhom, u ovjament kien mistieden it-tifel, kien mistieden Ġesù, li ġab miegħu wkoll lid-dixxipli tiegħu, – bħalma kienet l-użanza- indunat li naqsilhom l-inbid. U pprovat tagħmel xi ħaġa. Lil binha tgħidlu, “Ma bagħqalhomx inbid.” (ara Ġw 2:3). “Mara, aħna x’għandna x’naqsmu” (ara Ġw 2:4) U l-Madonna, mara ta’ fidi, umli, ubbidjenti – hawn hi “l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq1:38) – l-ubbidjenza tagħha, tgħallimna wkoll nimmitawha: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:4). Fil-Vanġelu l-Madonna ma titkellimx iżjed. Insibuha ssegwi lil binha, ħdejn is-salib. Insibuha mad-dixxipli, tistenna d-don tal-Ispirtu s-Santu, titlob magħhom. Imma ma hemm l-ebda kelma. L-aħħar kelma tagħha fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, kap 2, hi, “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:4).

“Mara, hawn hu ibnek.” (Ġw 19:26) Ġesù llum qiegħed jafdana f’idejha. Imma lilna qed jgħidilna,“isimgħu minnha!” U din hija xi ħaġa straordinarja l-aħwa. L-Iben jgħidlek isma’ minn Ommi, u l-Omm tgħidlek, “agħmel dak li jgħidilek hu.” U din hija l-bxara sabiħa li aħna nircievu f’din il-festa. Il-Mulej, skont l-istat ta’ ħajjitna, l-istaġun tal-eżistenza tagħna, is-sitwazzjoni personali tagħna, jagħtina l-grazzja li jkollna l-wens tal-Madonna u li nagħmlu dak li jixtieq minna hu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 24:1-2,5-7,12-16.26-31
Salm: 30
Qari II: Lhud 5:7-9
L-Evanġelju: Ġw 19: 25-27