• *****

    Direttur:          Brett  Ratner
    Atturi:             Dwayne Johnson, Ian McShane, Rufus Sewill, Joeph Fiennes, Peter Mullan,  John Hurt, Aksel Henne, Reece Ritchie u Rebecca Fergusan
    Ħin tal-Film:    98 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:     12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          12

    Il-ħajja għal Hercules, it-tifel tar-re alla Zeus, xejn ma kienet faċli; ħlief tbatija u nkwiet ma kienx ra. Wara tnax –il sena ta’ ħajja iebsa u wara li kien tilef il-familja kollha, l- uniku sodisfazzjon li kellu kien li jidħol b’ruħhu u ġismu għal ġlied. Matul dawn is-snin rrnexxielu jiġbor ċorma nies bħalu li l-għan tagħhom kien li jsibu fejn jiġġieldu għal flus bħala merċenarji. Fosthom insibu l-profeta Amphiaraus, il-ħalliel Autolycus, il-ġwerrier Tydeus, l-arċiera Atalanta u Iolaus li kien jirrakonta ħafna stejjer. Hercules kien temm b’suċċess tnax il-biċċa xoghol biex jipprova li hu kien tassew iben alla Zeus iżda sfortunatament kien mqarraq minn Hera li kienet waslitu biex joqtol lil martu u l-uliedu. Wara din il-ġrajja, Hercules qabad il-ħajja ta’ ġlied. Jum wieħed, Hercules u n-nies tiegħu jiġu avviċinati minn Ergenia, bint Lord Cotys li xtaq li Hercules jħarreġ l-armata tiegħu biex b’hekk jkunu jistgħu jiddefendu s-saltna ta’ Thrace kontra l-kmandant militari ambizzjuż Rheseus. Hercules jaċċetta ftehim li għax-xogħol li sejrin jagħmlu jingħataw ammont kbir ta’ deheb. Wara li għal tant ġimgħat, Hercules u n-nies tieghu jħarrġu l-armata, jirnexxielhom, bl-armata issa mħarrġa sew, joħorġu kontra l-barbari u jirbħulhom. Wara din ir-rebħa, Hercules u l-Ġeneral Sitacles jiddeċiedu li jeħduha kontra Rheseus u l-armata tieghu u anke hawn jagħmlu rebħa kbira. Rheseus jinqabad pruġinier u umiljat. Ergenia ma taqbel xejn ma dak li qiegħed jagħmel missierha iżda jkollha toqgħod kwieta minħabba binha Arius. Hercules li isa kien temm il-missjoni tieghu jintebaħ li Lord Cotys kellu għanijiet ambizzjużi. X’jiġri minn hawn u kif Hercules u sħabu jispiċċaw pruġinieri? Tgħid jirnexxielu Hercules juri tassew min kien meta jsib ruħhu f’din il-qagħda mwegħra?

    Film bi 3D, maħdum b’sengħa kbira u bi storja interessanti b’messaġġ pożittiv kif wieħed għandu jemmen fih inifsu u kif għandu juża saħħtu u t-talenti tiegħu għal ġid tal-oħrajn. Minħabba li il-film fih ħafna ġlied għalkemm mhux tant imdemma, kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.