L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara hi festa li issa ilha żmien twil tiġi ċċelebrata fil-Knisja. Dejjem kienet marbuta mal-għajnuna li Marija tagħti lill-Knisja, lilna lkoll, fid-diffikultajiet tal-ħajja tagħna.

Fil-fatt kien għamilha festa l-Papa Piju VII li kien ntefa’ l-ħabs fi Franza minn Napuljun, u meta rritorna lura minn Franza, wasal Ruma proprju fl-24 ta’ Mejju 1814. U ried li mis-sena ta’ wara, dakinhar tkun iċċelebrata l-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, bi gratitudni lejn Marija u l-għajnuna tagħha fi żmien diffiċli.

L-isem ‘Marija Għajnuna tal-Insara’ hu antik ħafna. Isemmih l-ewwel San Ġwann Krisostmu fis-sena 345. San Ġwann Bosco, fundatur tas-Salesjani, ried li jkun hemm żewġ pilastri għas-Salesjani, li llum qegħdin it-tnejn flimkien f’din iċ-ċelebrazzjoni: l-Ewkaristija u Marija Għajnuna tal-Insara. Dawn ikunu l-pilastri l-aktar importanti għall-Kongregazzjoni.

Nixtieq li nħarsu lejn kif Marija hi ta’ għajnuna għalina.

Għajnuna għax hi ommna

L-ewwel nett, Marija hi l-omm li ħallielna Ġesù, għalhekk hi għajnuna għalina bħala omm. Meta kien fuq is-salib, Ġesù dar fuq Marija u qalilha “hawn hu ibnek”; imbagħad dar fuq Ġwanni u qallu “hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27). Ta lil Marija bħala omm mhux ta’ Ġwanni biss, imma tal-bnedmin kollha. Għalhekk hi omm il-bnedmin kollha, omm li tieħu ħsiebna u tħarisna. Fil-fatt, fir-Rużarju ngħidu dik it-talba: “Marija Santissima, urina li inti ommna…”

Jekk inħarsu lejn il-ħajja ta’ Marija, tagħtina diversi eżempji sbieħ għall-ħajja tagħna: mhux biss kif għandna nħobbu lil Alla u niftħu qalbna għalih, imma wkoll kif għandna ngħixu ma’ xulxin

Nafu kemm hi omm li tieħu ħsiebna u tħarisna, kull wieħed u waħda minna. L-istorja tal-Knisja turi dan. Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Kristu Jgħix (Christus vivit, 48), jgħid li Marija hi “l-Omm li tħares fuqna wliedha li f’din il-ħajja mexjin spiss għajjiena, fil-bżonn, imma bix-xewqa li d-dawl tat-tama fina ma jintefiex”. Marija hi dik li tgħinna biex id-dawl tat-tama qatt ma jintefa fil-ħajja tagħna.

Għajnuna bl-eżempju tagħha

Marija hi wkoll għajnuna bl-eżempju sabiħ li tagħtina għall-ħajja tagħna. Filwaqt li hi omm li tieħu ħsiebna, hi wkoll eżempju ta’ kif għandna ngħixu fil-paċi u fil-ferħ. L-eżempju li tagħtina mhuwiex biss bil-kliem ta’ parir imma bil-ħajja tagħha. Nafu li l-aħħar kliem li nsibu ta’ Marija fl-Evanġelju hu l-kliem li qalet lill-qaddejja fit-Tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5) – qed tgħid għal Ġesù. Dan hu li tgħid lilna Marija: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. U setgħet tagħti dan il-parir għax hekk għexet ħajjitha kollha. Fil-fatt, fl-Evanġelju tal-lum, Ġesu jfaħħarha lil Marija, meta jgħid: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu” (Lq 8:21). Nafu li Marija mill-bidu nett hekk għexet. Meta dehrilha l-anġlu Gabrijel u qalilha li se tkun Omm Alla, għall-bidu ma fehmitx, imma meta għarfet li l-aħbar kienet ġejja minn Alla, qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).

Jekk inħarsu lejn il-ħajja ta’ Marija, tagħtina diversi eżempji sbieħ għall-ħajja tagħna: mhux biss kif għandna nħobbu lil Alla u niftħu qalbna għalih, imma wkoll kif għandna ngħixu ma’ xulxin: bl-imħabba, bis-sensittività, bir-rispett u stima ta’ xulxin, bil-qadi u bl-għajnuna ta’ xulxin, billi nkunu strumenti ta’ paċi u għaqda. Narawha Marija fil-bidu tal-Knisja, preżenti fost l-ewwel Insara, preżenza li tgħaqqadhom flimkien.

Nitolbu lil Marija

Illum nitlob lil Marija għal kull wieħed u waħda minna, għas-Salesjani, għad-djaknu Franċiż preżenti għal din il-quddiesa li għamel esperjenza f’Malta u se jirritorna fi Franza u jkun ordnat saċerdot, għall-istudenti kollha, għall-għalliema u l-edukaturi ta’ St Patrick’s li għandhom din il-vokazzjoni sabiħa f’din l-iskola. Nitolbu li dejjem tikbru fl-imħabba bl-għajnuna ta’ Marija.

Nitolbu lil Marija biex tkun ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna – għajnuna bħala omm li tieħu ħsiebna u tħarisna, għajnuna bħala eżempju sabiħ biex ħajjitna tkun tassew ħajja sabiħa, ħajja li ngħixuha dejjem fil-paċi u fl-imħabba ta’ Alla u ta’ xulxin.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju