L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier” (1 Ġw 3:1). Dan hu li smajna llum fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu, u dan hu l-messaġġ importanti li jrid iwassal lilna Ġesù, lil kull wieħed u waħda minna llum, meta jitkellem fuqu nnifsu bħala r-ragħaj it-tajjeb. Ġesù jgħid: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:11).

Għaliex jgħid li hu “t-tajjeb”? Hemm rgħajja ħżiena? Fi żmien Ġesù kien hemm rgħajja li ma kinux jaqdu r-responsabbiltà tagħhom b’mod tajjeb. F’kull żmien kien hemm hekk. Imma Ġesù bil-kelma “tajjeb” kif jużaha hawnhekk, qed jgħid iktar milli sempliċiment li hu tajjeb u mhux ħażin. “Tajjeb” tfisser li Ġesù hu dak li hu sabiħ għax mimli mħabba, mimli għożża. Dik hi l-kelma li qed juża Ġesù hawn: ir-ragħaj li mimli mħabba u għożża lejn in-ngħaġ tiegħu.

Dak li jgħid Ġesù hawn hu messaġġ importanti għalina lkoll. Nixtieq li nieqfu ftit kif ifisser Ġesù li hu r-ragħaj it-tajjeb.

Tiegħu

L-ewwel jgħid “in-ngħaġ tiegħi” (Ġw 10:14). Qed jgħid li aħna, jekk naċċettaw aħna, aħna tiegħu. Kemm hi sabiħa din, meta niftakru li aħna tiegħu! Fil-fatt, Ġesù jagħmel id-differenza bejn min in-ngħaġ huma tiegħu, u min mhumiex tiegħu – bejn ir-ragħaj li n-ngħaġ huma tiegħu, u l-mikri. Hu qed jgħid: il-mikri ma jagħtix każ għax in-ngħaġ “mhumiex tiegħu” (Ġw 10:12), imma r-ragħaj jagħti każ. U Ġesù jinsisti fuq din: aħna tiegħu.

Meta wara li qam mill-mewt kien deher lid-dixxipli u lil Pietru staqsieh: “Tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15), hemmhekk kien qal lil Pietru: “Irgħa n-ngħaġ tiegħi” (Ġw 21:16). Kull darba jinsisti li aħna tiegħu. Din għandha lilna timliena b’ħafna ferħ u paċi, għax nafu li aħna tiegħu.

Relazzjoni

Ġesù jgħid ukoll: “Jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14). Irid li jkun hemm din ir-relazzjoni ta’ għarfien u ta’ mħabba, relazzjoni li tfisser rabta mill-qrib magħna. Li mhux biss inkunu nafu fuqu. 

Dik hi d-differenza kbira fil-ħajja tagħna. Jekk inkunu nafu biss fuq Ġesù – darba kien hemm wieħed li għallem ħafna affarijiet sbieħ, għamel il-mirakli, għamel biss ġid, imma mbagħad in-nies daru kontrieh, qatluh, u qam mill-mewt – dan jibqa’ rakkont tal-passat. Imma aħna nafu li għandna lil Ġesù ħaj li miegħu għandna din ir-relazzjoni ta’ mħabba.

Jagħti ħajtu

Imbagħad Ġesù jgħid għaliex huwa r-ragħaj it-tajjeb: “għan-ngħaġ tiegħi nagħti ħajti” (Ġw 10:15). Hekk għamel tul iż-żmien li dam f’din id-dinja, għax kien kollu kemm hu mogħti għas-servizz tan-nies, u hekk għamel b’mod speċjali fuq is-salib meta ta ħajtu. 

Imma hekk jagħmel illum ukoll. Fl-Ewkaristija, b’mod speċjali, kontinwament “jingħata għalina”. Din hi l-imħabba kbira li għandu dan ir-ragħaj it-tajjeb għalina.

Stedina 

L-istedina li qed jagħmel lilna lkoll illum hu biex aħna, min-naħa tagħna, naċċettaw li nkunu tiegħu u li jkollna lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna; bħala dak li jmexxina fit-triq it-tajba, fit-triq tas-sewwa, bħalma r-ragħaj imexxi lin-ngħaġ; bħala dak li miegħu nafu li għandna l-isbaħ u l-aħjar għaliex għandna min iħobbna tassew u jipproteġina bħalma r-ragħaj jipproteġi lin-ngħaġ tiegħu. 

Nafu li għandna għażla fil-ħajja tagħna. Fil-fatt, fl-Ewwel Qari mill-Atti tal-Appostli (Atti 4:11) u fis-Salm ukoll hemm dik is-sentenza: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Salm 118:22). Kien hemm għażla, u Ġesù twarrab minn diversi nies. Hu li ġie warrab sar il-ġebla l-aktar importanti fil-bini tal-familja ta’ Alla.

Aħna għandna din l-għażla: jew nilqgħuh u nimxu warajh bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, jew inwarrbuh. Nixtieq nitlob għalina lkoll illum biex aħna qatt ma nwarrbuh, bħalma jissemma hawn – meta nwarrbuh, huwa aħna li mmorru minn taħt, aħna li nbatu – imma li jkollna lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, aħna li aħna tiegħu.

Responsabbiltà

Din il-kelma ta’ Alla hi ta’ valur kbir għalikom, bħala scouts u girl guides. Intom qegħdin impenjati b’dedikazzjoni sħiħa, u dan l-impenn lilkom jgħinkom biex jibnielkom il-karattru, biex jagħmilkom ċittadini tajbin, responsabbli, nies li jaħsbu fl-oħrajn u b’kontribut siewi fis-soċjetà.

Nixtieqkom tiftakru: meta aħna jkollna lil Ġesù bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, inkunu aħjar. Hu mhux biss ma jnaqqsilna xejn, imma jgħinna biex inkunu scouts aħjar, biex inkunu girl guides aħjar – għax jgħinna nagħrfu ngħixu l-valuri sbieħ li aħna nħaddnu u nagħrfu naqdu r-responsabbiltajiet tagħna bl-aħjar mod.

Nixtieq nagħmel talba speċjali għalikom, u għal dawk li lilkom imexxukom, biex intom ikollkom fil-ħajja tagħkom lil Ġesù bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħkom li jmexxikom, li jħariskom, li jgħinkom biex tkunu scouts u girl guides li tgħixu l-wegħda tagħkom u taqdu bl-isbaħ mod ir-responsabbiltajiet tagħkom. U meta tagħmlu hekk, dejjem iżżommu f’qalbkom dak li smajna llum fil-kelma ta’ Alla: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier!”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti