L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Waħda mill-iżjed esperjenzi koroh u ta’ tbatija hija l-esperjenza ta’ tradiment – meta xi ħadd li inti taf, jittradik. U iktar hi ta’ tbatija u tweġġgħek meta ma jkunx biss xi ħadd li taf, jew xi kollega tiegħek, jew xi ħadd li ltqajt miegħu u qiegħed miegħu fuq xi biċċa xogħol, imma xi ħadd li jkun ħabib ta’ ġewwa.
Din hi l-esperjenza ta’ Ġesù li rajna llum: l-esperjenza tat-tradiment ta’ Ġuda l-Iskarjota u magħha hemm ukoll, fl-istess rakkont, it-tħabbira taċ-ċaħda ta’ Pietru. Aħna u mexjin f’din il-Ġimgħa Mqaddsa nistgħu nifhmu t-tbatija li minnha għadda Ġesù: dawn tnejn mill-appostli tiegħu, tnejn li kien għażel hu, wieħed jittradih u l-ieħor jiċħdu.
Ġesù ħassha din il-weġgħa u għalhekk hawnhekk jitkellem fuqha meta kien qed ikellem lill-appostli tiegħu. Nifhmu tassew kemm ħassha meta naqraw eżatt qabel dis-silta l-kelma li qal Ġesù, meta jgħid: “Min kien il-ħobż miegħi tani bis-sieq” (Ġw 13:18). L-espressjoni “tani bis-sieq” toħroġ tassew din il-weġgħa ta’ Ġesù meta qed jitkellem fuq it-tradiment. Hawn qed jirreferi għal dak li jgħid is-Salm 41 (v.10): “Imqar ħabibi li fih kont nafda, li kiel minn ħobżi, intrefa’ kontrija”
Kif għexha Ġesù din l-esperjenza ta’ tradiment? Ġesù ħassu tassew dispjaċut, ħass il-weġgħa, imma baqa’ jħobb u jħobb sal-aħħar, u baqa’ jaqdi l-missjoni tiegħu sal-aħħar. Fil-fatt, eżatt qabel dan il-kliem ta’ Ġesù fejn jitkellem fuq it-tradiment ta’ Ġuda u ċ-ċaħda ta’ Pietru, Ġesu x’għamel? Niżel jaħsel saqajn it-tnax. Jiġifieri, eżatt qabel, Ġesù ħasel saqajn, fost l-oħrajn, Pietru u Ġuda. Ħabbhom sal-aħħar, u baqa’ jħobbhom minkejja t-tradiment u ċ-ċaħda.
Għalhekk hawnhekk jgħid ukoll, qalb id-diskors fuq tradiment u ċaħda, li hu se jkun igglorifikat issa u permezz tiegħu jkun igglorifikat Alla, għaliex hu ma ħalliex it-tradiment u ċ-ċaħda jtellfuh milli jaqdi l-missjoni tiegħu sal-aħħar, milli jkun fidil lejn dak li Alla jrid minnu sal-aħħar.
Hawnhekk nistgħu nifhmu kif filwaqt li Ġesù jħoss id-dispjaċir u l-weġgħa, jibqa’ jħobb u jaqdi l-missjoni tiegħu sal-aħħar.
Għalhekk illum, aħna u nirriflettu fuq din il-ġrajja tat-tradiment u ċ-ċaħda, nirringrazzjaw lill-Mulej talli baqa’ jħobbna sal-aħħar. Nirringrazzjawh li minkejja t-tradiment u ċ-ċaħda, baqa’ jaqdi l-missjoni tiegħu sal-aħħar. Nitolbuh li aħna dejjem ngħixu b’din il-gratitudni f’qalbna lejn dak li għamel hu għalina. Ikollna wkoll f’qalbna mħabba kbira lejh li, minkejja t-tradimenti u ċ-ċaħdiet tagħna, jibqa’ jħobbna sal-aħħar u jibqa’ jfittex li jsalvana biex jerfagħna mid-dnubiet tagħna u jagħtina tassew ħajja fl-imħabba kif jixtieqna hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju