L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma” (Mt 14:28). Dan huwa l-kliem li qal Pietru lil Ġesù, f’din il-ġrajja li għadna kif smajna meta Ġesù kien qed jimxi fuq il-baħar. Għall-bidu, id-dixxipli li kienu fid-dgħajsa jitħabtu mal-mewġ, bir-riħ kontra tagħhom, ħasbu li dan kien xi fantażma. Imma Ġesù qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” (Mt 14:27).
Kien kif qal hekk li Pietru ried li jmur ħdejh. Bħalma Ġesù kien qed jimxi fuq il-baħar, hekk Pietru ried li jimxi fuq il-baħar u jasal sa ħdejh. Nafu li Pietru kien dejjem żbukkat, kultant naqra prużuntuż ukoll, u mal-ewwel jidħol għaliha. Hawnhekk ried li mal-kelma ta’ Ġesù, hu wkoll jibda miexi fuq il-baħar. Fil-fatt hekk sar. Meta Ġesù qallu “ejja” (Mt 14:29), Pietru niżel minn fuq id-dgħajsa, qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.
Imma mbagħad x’ġara? F’daqqa waħda ħabat jegħreq. U għaliex ħabat jegħreq? Nixtieqkom tinnutaw għaliex f’din il-ġrajja. Meta Pietru ħares lejn Ġesù, u l-ħarsa tiegħu kienet fuqu u lest biex jagħmel li jgħidlu, beda miexi fuq il-baħar u riesaq lejh. Il-mument li flok ħares lejn Ġesù, beda jħares lejn il-mewġ, bir-riħ qawwi, u dan imlieh bil-biża’, beda nieżel ’l isfel, beda jegħreq. Araw id-differenza: meta flok ħarstu baqgħet fuq Ġesù li qed jgħidlu biex jersaq lejh u jagħtih il-qawwa, iħares lejn dak li qed jiġri madwaru – il-baħar, ir-riħ – u jimtela bil-biża’, hemmhekk beda jegħreq. U nafu hemmhekk imbagħad qal lil Ġesù “salvani, Mulej” (Mt 14:30), u Ġesù medd idu, qabdu u salvah.
Ġesù jgħidlu xi ħaġa hawnhekk li dejjem jinsisti fuqha. Hawn jgħidlu: “bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31) Ġesù dejjem jenfasizza l-fidi. Niftakru f’dik il-ġrajja l-oħra, ukoll fil-baħar, meta kien ir-riħ, u d-dixxipli kienu fuq id-dgħajsa u Ġesù kien hemm ukoll u rieqed, u d-dixxipli kienu qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (Mk 4:38) U Ġesù kien qalilhom: “dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (Mk 4:40) Ġesù dejjem jenfasizza l-fidi. Hemm diversi ġrajjiet oħra. Niftakru f’dik il-ġrajja tal-mara li kienet ilha marida ħafna snin, u li marret misset tarf il-libsa, u Ġesù qalilha: “Agħmel il-qalb, binti, il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9:22). U lil-lebbruż li Ġesù fejqu, qallu: “il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 17:19). U niftakru f’dak iċ-ċenturjun li kien ġie biex ifejjaqlu l-qaddej tiegħu, u qallu li mqar jgħid kelma waħda u jfiq, u Ġesù kien qal: “Tassew ngħidilkom, f’ħadd minn Israel ma sibt fidi bħal din” (Mt 8:10). Ġesù dejjem jenfasizza l-fidi li tagħmel id-differenza kollha fil-ħajja.
Għalhekk dan hu l-messaġġ importanti li qed jagħti lilna llum. Aħna kultant insibu ruħna qisna Pietru f’dil-ġrajja tal-lum. Il-mument li aħna nħarsu lejn Ġesù, u minnu nirċievu l-qawwa, u nkomplu nħallu lilu jispirana fil-ħajja tagħna, nimxu ’l quddiem. Imma l-mument li nħarsu madwarna, u nibdew naraw iċ-ċirkustanzi diffiċli tal-ħajja, il-mewġ tal-ħajja, u nieqfu hemm, nimtlew bil-biża’ u verament inħossuna qed negħrqu. Għalhekk Ġesù jistedinna biex inqiegħdu l-ħarsa tagħna fih u nħallu lilu jmexxina. U meta nsibu ruħna bħal Pietru, qisu ċ-ċirkustanzi qed jegħlbuna u nħossuna qed negħrqu, tajjeb li nagħmlu dik it-talba ta’ Pietru: “Salvani, Mulej”. Aħna nafu li Ġesù, bħalma għamel ma’ Pietru, ukoll fil-ħajja tagħna, imidd idu biex joħroġna, biex jakkumpanjana, biex isalvana.
Din hi t-talba li nixtieq li nagħmlu llum lill-Mulej, fid-dawl tal-kelma tiegħu. Nitolbu lill-Mulej l-ewwel nett biex isaħħaħ fina l-fidi. Jgħinna biex ħarsitna tkun dejjem fih, is-Salvatur tagħna, dak li jmexxina ’l quddiem fil-ħajja tagħna, b’konvinzjoni li jekk aħna għandna lilu, żgur li qatt ma hu se jħallina ngħerqu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta
Photo by SevenStorm JUHASZIMRUS