L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6:56). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù illum fl-Evanġelju, hu u jgħallem fis-sinagoga ta’ Kafarnahum. U nafu li dan il-kliem tiegħu – dan id-diskors kollu tiegħu – ħoloq reazzjoni. L-Evanġelju jgħid li l-Lhud “tlewmu bejniethom” (Ġw 6:52).

Għamlu dik il-mistoqsija: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” (Ġw 6:52). Tifhimhom, għax kieku xi ħadd jgħidlek li se jagħti ġismu u demmu għall-ikel, tgħid: hemm xi ħaġa stramba din, ma nistax nifhem! Imma Ġesù, fil-fatt, li jagħmel hu li jkompli dan id-diskors u jenfasizzah. U fejn f’mument minnhom jgħid:  “Jiena hu l-ħobż ħaj tal-ħajja…Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż, jgħix għal dejjem” (Ġw 6:48.52), hawnhekk hu jenfasizza aktar li hu l-ikel tal-ġisem u d-demm tiegħu. Aħna nafu li hawnhekk Ġesù qed jgħid għall-Ewkaristija. Nafu dan anke għaliex huwa kliem li jaqbel mar-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena. Hekk fehmuh id-dixxipli, hekk fehmitu l-Knisja: li meta ngħidu l-Ewkaristija, qed ngħidu li l-ħobż jinbidel fil-ġisem ta’ Kristu, u l-inbid jinbidel fid-demm ta’ Kristu. Għandna, għalhekk, il-preżenza reali ta’ Ġesù. 

Tajjeb li nifhmu aktar fil-fond dan li qed jgħid Ġesù, x’jiġifieri l-preżenza reali tiegħu. Hawn m’aħniex qed nitkellmu fuq sinjal jew simbolu, u daqshekk. Meta ngħidu għall-Ewkaristija “qsim tal-ħobż”, mhuwiex biss sinjal tal-ħajja li tinqasam b’qadi u servizz għall-oħrajn, bħalma hija l-ħajja ta’ Ġesù. Hija aktar minn hekk. Aħna meta naraw bandiera ta’ pajjiż, ngħidu li dik hi simbolu tal-pajjiż, fiha naraw il-pajjiż. L-Ewkaristija hija ħafna aktar minn hekk. Għax l-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù, jiġifieri l-ġisem u d-demm tiegħu. Għalhekk tajjeb li aħna nirriflettu fuq din is-silta tal-Evanġelju, għaliex in-nies li semgħuh lil Ġesù fehmu li hi aktar minn hekk, għalhekk ir-reazzjoni tagħhom. Ma fehmux li l-Ewkaristija hija biss sinjal jew simbolu, imma qed jgħid xi ħaġa aktar profonda minn hekk.

L-Ewkaristija hija l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù għall-ħajja tagħna. Hawn Ġesù jenfasizza illi tagħtina l-ħajja ta’ dejjem; mhux ’il quddiem biss, imma issa l-Ewkaristija tagħtina l-ħajja ta’ dejjem, għax tgħinna nipparteċipaw fl-istess ħajja ta’ Alla. Għalhekk: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih”. L-Ewkaristija tgħinna jkollna sehem mill-istess ħajja ta’ Alla, u twassalna wkoll għall-ħajja ta’ dejjem, meta fl-istess diskors Ġesù jgħid għal min jieħu sehem fl-Ewkaristija li hu jqajjem il-ġisem mill-mewt. Għalhekk għandna nifhmu dan r-rigal kbir li tana Alla. 

Irridu nifhmu li meta aħna b’saħħitna, u nistgħu, għandna nieħdu sehem fil-quddiesa. Ovvjament għandna nkunu ppreparati biex nirċievu l-Ewkaristija b’mod denn. Imma għandna nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Jekk, bħalma hu l-każ ta’ diversi li jkunu qed isegwu l-quddiesa fuq it-televixin, ikun hemm min hu marid l-isptar jew id-dar, anzjan, mhux f’qagħda li jmur il-knisja, jagħmel sew li jsegwi l-quddiesa fuq it-televixin, li jagħmel it-tqarbina tax-xewqa, imbagħad fil-mument li jista’, anke jirċievi l-Ewkaristija permezz ta’ qassis jew ta’ ministru tat-tqarbin. Hu importanti li nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Min ma jistax imur il-knisja, il-Mulej jaf. Imma min jista’, jekk aħna b’saħħitna, għandna nieħdu sehem fl-Ewkaristija, għax tagħtina l-ħajja, tgħinna biex nipparteċipaw fl-istess ħajja ta’ Alla.

Illum nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan ir-rigal kbir li tana. Nitolbuh li dejjem napprezzaw l-Ewkaristija, li nippreparaw ruħna biex nieħdu sehem b’mod xieraq fl-Ewkaristija, u nitolbuh li nagħrfu dejjem li l-Ewkaristija ġġib f’ħajjitna ġid u barka.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta