L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Santu Wistin għandu espressjoni fil-ktieb tiegħu Il-Belt ta’ Alla li kiteb fis-seklu ħamsa. Tgħid hekk, bil-Latin: “libido dominandi”. Tfisser: il-kilba biex taħkem, biex tiddomina. Hu juri kif fir-realtà tal-ħajja tagħna – qed jitkellem dak iż-żmien, imma nafu li hekk hu wkoll fi żmienna – fin-nies kultant bejniethom, fis-soċjetajiet, bejn in-nazzjonijiet, hemm din il-kilba biex taħkem li ma tħallix lill-bniedem jirraġuna; il-bniedem jispiċċa hu stess immexxi minn din il-kilba.
Aħna nistgħu narawha fi żmienna f’dak li qed jiġri bħalissa fl-invażjoni tal-Ukrajna. Hemm din il-kilba biex taħkem, biex tiddomina, u m’hemmx tarf għal din il-kilba, għax kif tlesti ħaġa, tibda oħra.
Mhuwiex dak li jiddomina
Illum qed niċċelebraw il-festa ta’ Ħamis ix-Xirka, li hi festa fejn Ġesù jurina eżatt il-kontra ta’ dan kollu. Għandna hawnhekk ir-rakkont fl-Evanġelju skont San Ġwann li juri min hu Alla għalina – li mhuwiex dak li jaħkem, jiddomina, imma dak li jagħi ħajtu. Hawnhekk fl-Evanġelju għandna stampa tal-ħajja kollha ta’ Ġesù, ta’ dak li Alla jfisser għall-ħajja tagħna. Għalhekk il-festa tal-lum mhijiex biss tifkira ta’ dakinhar – x’għamel Ġesù fl-Aħħar Ċena – imma hija wkoll l-essenzjal tal-ħajja tagħna Nisranija.
Hawnhekk l-Evanġelju jgħid: “Billi kien jaf Ġesù li l-Missier tah kollox f’idejh…” X’għamel? Is-soltu meta tisma’ xi ħaġa hekk “Tah kollox f’idejh”, taħsibha ġejja li se juża l-awtorità biex jimponiha fuq l-oħrajn. Imma x’għamel Ġesù meta “l-Missier tah kollox f’idejh”? Neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu, u niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Billi “l-Missier tah kollox f’idejh”, idejh użahom biex jaqdi u biex juri l-għożża għal kull wieħed mid-dixxipli tiegħu. Billi “l-Missier tah kollox f’idejh”, uża dak li tah biex jingħata għad-dixxipli tiegħu.
Għalhekk tant tolqotna meta jinżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, wieħed wieħed. Għamel dan ma’ dawk li, kif nafu aktar ’il quddiem, kollha ħlief wieħed kienu se jabbandunawh, u wieħed se jittradih, u wieħed se jiċħdu. Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju, kien jaf “x’hemm fil-qalb tal-bniedem” u niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Araw xi mħabba bla tarf, imħabba bla kundizzjoni, imħabba totali sal-aħħar!
Ħajtu kollha hi għotja
Hawnhekk għandna l-istampa tal-ħajja ta’ Ġesù li turi ruħha wkoll proprju fit-twaqqif tal-Ewkaristija li nsibu fl-Evanġelji l-oħra, imma anke f’dik is-silta ta’ San Pawl lill-Korintin li hi l-aktar silta antika dwar it-twaqqif tal-Ewkaristija. Il-kliem hu “dan hu ġismi li jingħata għalikom”. Eżatt dak li għamel hawnhekk meta niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. U t-tnejn juru dak li kien se jagħmel ftit wara fuq is-salib, meta jingħata biex isalva l-umanità, isalva lil kull bniedem. Għalhekk dan ir-rakkont jgħidilna ħafna fuq min hu Alla għalina, Alla li jingħata għalina, u lilna jħobbna bla tarf u jħobbna dejjem bla kundizzjoni, u jixtieq jimliena bl-imħabba tiegħu.
Mhux ta’ b’xejn li San Pietru ma setax jifhem dan, u qallu “Ma jkun qatt!” Għax dan kien xogħol li jagħmlu l-ilsir, mhux min hu l-Imgħallem; dan kien xogħol li “ma jixraqx” – ħa nużaw kelma li ġieli nużawha aħna u kienet f’moħħ id-dixxipli tiegħu – ma jixraqx li dax-xogħol jagħmlu l-Imgħallem.
Iridna nsegwu l-eżempju tiegħu
Imma mbagħad Ġesù għamel ħaġa oħra. Meta Ġesù qagħad bilqiegħda, ma qalilhomx: urejtkom issa min hu Alla, u daqshekk. Qalilhom: “Tafu x’għamiltikom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.” U jkompli: “Għax jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”. Aħna nafu li l-ħajja kollha ta’ Ġesù hi eżempju għalina, dak kollu li għamel, imma hawn jenfasizza “jien tajtkom eżempju”. U araw kif meta jgħid “biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll”, hi l-istess bħalma jgħid għall-Ewkaristija “agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Ġesu jrid mid-dixxipli tiegħu, minna, mhux biss li niċċelebraw l-Ewkaristija imma wkoll li ngħixuha b’dal-mod. Bħalma nagħmlu fl-Ewkaristija t-“tifkira” ta’ Ġesù, il-preżenza reali tiegħu, hekk ukoll irid li ngħixu b’dan l-istess stil tiegħu fil-ħajja tagħna, jiġifieri l-eżempju li tana hu ta’ qadi. Meta ngħid “eżempju”, ma jfissirx li darba fis-sena nirrepetu l-ġest tal-ħasil tas-saqajn u daqshekk, imma jfisser li dan ikun l-istil tal-ħajja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù.
Nafu li dan hu l-kontra ta’ dak li ħafna drabi naraw, u l-kontra ta’ dak li ħafna drabi nisimgħu. Imma dan hu li jitlob minna Ġesù. Hekk irid minna li nkunu qaddejja. Ifisser li meta nħarsu lejn l-oħrajn, huma min huma, ma narawx lill-oħrajn in kwantu x’se nakkwistaw mingħandhom; ma narawx lill-oħrajn kif se jaqdu l-interessi tagħna, ma nkunux egoisti, imma naraw b’liema mod lill-oħrajn nistgħu nieqfu magħhom, ngħinuhom u naqduhom.
Stedina għal kulħadd
Din hi stedina li jagħmlilna lilna lkoll. Mhijiex biss lil min għandu xi awtorità li tidher, imma wkoll min għandu xi ħidma, hi liema hi – hemm mod u mod kif tagħmilha. Ġesù jrid li l-ħidma tagħna dejjem nagħmluha b’dan l-ispirtu – jiġifieri bħala qaddejja, ħierġa mill-imħabba, b’għożża, bi mħabba mingħajr kundizzjoni, u b’mod li dejjem tirrispetta d-dinjità tal-persuna.
Ħadd mhu superjuri fuq l-oħrajn. Aħna lil Ġesù għandna li hu superjuri, u ara kif ġab ruħu!
Din hi stedina qawwija li jagħmlilna Ġesù, anke għalina fil-Knisja. Naħseb li bħali tindunaw li kultant aħna, anke fl-affarijiet tal-Knisja, nittieħdu minn mentalità li hi kontra dan l-Evanġelju. Ħu, pereżempju, meta nitkellmu fuq il-festi, li huma okkażjonijet sbieħ; ġieli tmur f’komunitajiet fejn tibda tara jew tisma’ l-kliem “dominanza”, “superjorità”, “aħna aqwa mill-oħrajn”. Dawn huma eżatt il-kontra ta’ dak li jgħid Ġesù hawn. Jekk int beħsiebek tgħid “jien tant jiena qawwi li niddomina fuq l-oħrajn”, dan hu eżatt kontra dak li jgħid u juri Ġesù hawn.
Anke xi titli li jista’ jkollna aħna, u li nużawhom għax jużawhom fis-soċjetà, u jkunu titli li nagħtu lil xulxin, forsi ngħidu qed nagħmlu dan b’rispett, imma żgur ma għandniex ngħixuhom b’mod li aħna qisna superjuri fuq l-oħrajn. Ħadd mhu superjuri fuq l-oħrajn. Aħna lil Ġesù għandna li hu superjuri, u ara kif ġab ruħu! Lilu għandna bħala l-Imgħallem, u ara kif ġab ruħu! Lilu għandna bħala l-Mulej, u ara x’uriena hawnhekk! Għalhekk din hi importanti ħafna għalina, għax minn hemm ningħarfu li aħna tassew dixxipli ta’ Ġesù. Mhuwiex minn dak li jidher minn barra biss. Jekk ta’ barra ma jkunx espressjoni ta’ dan l-ispirtu, flok nagħtu xhieda nkunu qed nagħmlu eżatt il-kontra. Flok lin-nies ngħinuhom jersqu lejn Ġesù, inkunu qed inbegħduhom minn Ġesù.
Għalhekk din hi l-istedina li qed jagħmel lilna llum. Lilna lkoll, u b’mod speċjali lilna s-saċerdoti li llum qed niċċelebraw it-twaqqif tas-saċerdozju – lilna jridna nkunu sinjal tal-imħabba tiegħu, sinjal tal-kompassjoni, tat-tenerezza, tal-viċinanza tiegħu lejn in-nies. U jridna naqdu l-ministeru b’dan l-ispirtu.
L-ispirtu ta’ Ġesù jagħmilna ħielsa
Din hi t-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll f’Ħamis ix-Xirka, aħna u nagħtu bidu għal dawn it-tlett ijiem imqaddsa. Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem nieħdu u ngħixu dan l-ispirtu tiegħu. U niċċelebraw l-Ewkaristija, kif għandna nagħmlu flimkien – min hu marid jew mhux f’qagħda li jiġi, jista’ jsegwi fuq it-televixin jew online, imma aħna li nistgħu għandna niġu għall-quddiesa flimkien. Imma importanti li nħallu l-Ewkaristija tibdilna, u tagħtina dan l-ispirtu ta’ mħabba ta’ Ġesù. Hemm nindunaw kif tagħmilna tassew liberi.
Immur lura għal dak li qal Santu Wistin, meta tkellem fuq il-kilba biex tiddomina. Din il-kilba ma tħallikx liberu. Tagħmlek skjav ta’ dak li tħoss ġewwa. Imma l-ispirtu ta’ Ġesù lilna jagħmilna tassew ħielsa għax inkunu mimlijin bl-imħabba tiegħu u nistgħu nwasslu lil kulħadd l-imħabba u l-għożża tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju