L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Wieħed mir-ritratti kommoventi dan l-aħħar f’pajjiżna kien juri jitgħannqu żewġ ommijiet li għaddew u għaddejjin minn tbatija kbira u wġigħ tremend. Żewġ ommijiet li kellhom jaffaċċjaw l-agħar esperjenza li omm qatt tista’ tgħaddi minnha: it-telfa ta’ wliedhom, u t-telfa tagħhom f’ċirkustanzi traġiċi. Dawn iż-żewġ ommijiet – omm Pelin Kaya u omm Jean Paul Sofia – huma espressjoni mill-aktar attwali ta’ dak li niċċelebraw għada bit-tifkira tal-Madonna tad-Duluri.
Dawn l-ommijiet imkissra qed jistennew ġustizzja wara t-telfa ta’ wliedhom – bħalma qed jistennew ukoll ommijiet oħra – u żgur li għandu jsir dak kollu possibbli biex il-ġustizzja sseħħ u biex ikun jidher li qed jittieħdu l-miżuri kollha possibbli għal dan il-għan. Imma rridu niftakru li t-telfa tagħhom se tibqa’ ġerħa kbira ħajjithom kollha. Huwa vojt li qatt ma jimtela. Magħhom nistgħu niftakru llum f’tant ommijiet oħra li għaddew u għaddejjin minn tbatija speċjalment minħabba dak li jiġri lil uliedhom.
It-tbatija mmarkat lil ħajjitha
Marija taħt is-salib hija Marija li tgħaddi mill-akbar mument ta’ tbatija. Qiegħda fejn binha msallab, u taf li binha ma għamilx ħlief ġid. Spiċċa msallab minħabba xibka ta’ ħażen, minħabba l-ħażen istituzzjonalizzat. Ma kienx l-uniku mument ta’ tbatija għal Marija. Ħajjitha kienet immarkata minn tbatija f’mument jew ieħor. Sa mill-ewwel ġrajja meta niltaqgħu magħha, fil-mument tat-tnissil ta’ Ġesù, meta Ġesù beda jeżisti għax tnissel imma kien għadu ma jidhirx, hi fittxet li tipproteġih u li tħarsu. Imma biex tħares il-ħajja tiegħu meta kien żgħir, u biex tagħtih sapport bħala omm meta kiber, tgħaddi f’diversi waqtiet tat-tbatija.
Fil-ġuri li għadda Ġesù waqt il-Passjoni li wasslet għall-mewt tiegħu, għandna kull tip ta’ ħażen – għandna lil min jagħmel il-ħażen, u min iħalli l-ħażen isir għax ma jerfax ir-responsabbiltà tiegħu.
Solidarjetà u tama
Marija taħt is-salib taqsam it-tbatija ma’ binha; hi l-konfort prinċipali li għandu binha Ġesù fil-mument tal-akbar tbatija. Hi wkoll għalih l-akbar sinjal ta’ tama li dak ma kienx it-tmiem, l-aħħar mument, imma kien il-passaġġ għall-ħajja ġdida tar-rebħa fuq il-mewt.
Nixtieqkom tinnutaw kif hu sewwasew f’dan il-waqt – fil-mument tal-akbar tbatija – li Ġesù jagħtihielna bħala Ommna. Meta jdur fuq Marija u jgħidilna “Hawn hu ibnek”, u jdur fuq Ġwanni u jgħidlu “Hawn hi ommok” – bħalma smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann – j hemmhekk Marija ssir omm l-umanità. Issir dan proprju waqt l-akbar esperjenza tat-tbatija, biex aħna niftakru – ukoll fil-mumenti ta’ dlam – li dejjem għandna din l-omm li tipproteġina u tħarisna.
Illum nitolbu lil Marija biex tkun l-omm li tħarisna u li nħossuha magħna speċjalment fit-tbatijiet tagħna. Nirrikmandawlha lil Marija speċjalment l-ommijiet ħdejn is-sodda ta’ wliedhom morda, dawk li tilfu l-għeżież tagħhom, u dawk li tilfuhom b’mod traġiku, dawk li għandhom uliedhom il-ħabs, dawk li qed jgħaddu ħajjithom fid-dmugħ u fit-tbatija, dawk li jgħaddu ljieli bla ma jagħlqu għajn ma’ għajn, u dawk li qalbhom maqtugħa.
Bħal Marija naqsmu t-tbatija ta’ tant nies
Imma nitolbuha wkoll lil Marija mhux biss il-protezzjoni u l-għajnuna tagħha, imma wkoll li aħna nitgħallmu bħalha, nieqfu b’imħabba ma’ tant nies li għaddejjin minn tbatija. Hawnhekk f’dan il-post – fil-parlament – post ta’ responsabbiltajiet kbar, nitolbu biex kull min jagħti sehmu hawn għall-ġid tal-pajjiż jagħmel dan b’impenn u b’solidarjetà, speċjalment ma’ dawk li qed ibatu, b’miżuri biex jittaffew t-tbatijiet ta’ tant nies.
U nixtieq insellem lill-Madonna tad-Duluri bil-poeżija ħierġa mill-qalb ta’ Rużar Briffa, li kitibha tmenin sena ilu, “L-Għanja tal-Imnikket”. Il-poeta m’għandu xejn x’joffri lill-Madonna ħlief in-niket tiegħu. Imma fiha jsib il-faraġ għax hi biss tista’ sserraħlu qalbu bl-imħabba ta’ omm li taf toffri hi biss.
Jgħid hekk Rużar Briffa:
“O Madonna tad-Duluri
Mhux il-ward
Jien fittixt ħa nsebbaħ darek
U nfewwaħlek lil altarek,
Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri
U l-għollieq marrad, musfari,
O Madonna tad-Duluri,
Dana biss.
O Madonna tad-Duluri
L-oħrajn ġew
U bid-deheb għammru lil darek,
U bil-ħaġar sawru altarek.
Jiena biss kont il-barrani,
Mingħajr ward u deheb il-għani,
Jiena biss!
O Madonna tad-Duluri
Ma stmerrejtx
Int l-imnikket ġewwa darek,
‘Mma tbissimt minn fuq altarek,
Kollok ħlewwa, kollok ħniena,
Serraħt int lill-qalb għajjiena,
Inti biss!”
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta