L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej hi ġrajja unika li aħna niċċelebrawha bil-ferħ, għax tfisser ħafna għalina lkoll.
Missjoni kbira
Jekk immorru lura għal dakinhar, kif smajna fl-Evanġelju u wkoll kif rakkontat fl-Atti tal-Appostli, ninnutaw li qabel ma tela’ s-sema, lill-appostli Ġesù tahom missjoni kbira ħafna. Hawn jgħid: “Morru fid-dinja kollha…”; mela mhux biex imorru f’xi belt, jew raħal, jew pajjiż, imma fid-dinja kollha. Jgħid: “…u xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”, mela jxandru l-Bxara t-Tajba mhux lil xi nies partikulari, jew xi tip ta’ nies, imma lil kulħadd.
Din kienet missjoni kbira li Ġesù ta lill-appostli eżatt qabel tela’ s-sema. L-appostli fehmuha din il-missjoni. U meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu – Ġesù kien qalilhom li se jibgħat id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu – l-appostli ħarġu għal din il-missjoni b’entużjażmu u b’ħeġġa kbira. Dak li Ġesù għamel fil-ħajja tiegħu – li kienet il-ħajja ta’ salvazzjoni, għax Ġesu ġie biex isalvana – huma kellhom iwassluh bħala l-Aħbar it-Tajba mad-dinja kollha lill-bnedmin kollha.
Kien jaħdem magħhom
Tolqtok kif dawn l-appostli, il-mument li Ġesù qisu tbiegħed minn magħhom – kif iġibuh ħafna drabi, tiela’ s-sema u jitbiegħed minn magħhom – mhux għamlu f’qalbhom, u daħlu f’qoxorthom, u qalu: tajjeb, tana din il-missjoni u telaq; għabbiena b’din ir-responsabbiltà u telaq ’l hemm! Mhux hekk. L-appostli fehmu li Ġesù li tela’ s-sema mhuwiex Ġesù li jitbiegħed minn magħhom, imma Ġesù preżenti magħhom b’mod ħaj, kif jgħid fl-Evanġelju li “l-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha”.
Għalhekk din il-ġrajja hi ġrajja speċjali ħafna, għax turina dak li Ġesù ried mill-appostli, li ried mill-Knisja, u li jrid minna llum. Nixtieq li nħarsu iktar mill-qrib lejn din il-ġrajja; l-ewwel inħarsu lejn Ġesù, imbagħad lejn l-appostli.
Mexjin f’direzzjoni
L-ewwel nett Ġesù tiela’ s-sema, fiex ifakkarna? F’dak li għedna fit-talba fil-bidu tal-quddiesa: imexxina ’l quddiem fit-triq tagħna lejn il-Missier u “jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna.” Għad naslu fejn daħal qabilna hu. Aħna mexjin f’dik id-direzzjoni. Dan hu li qal ukoll San Pawl lill-Efesin: “Alla jdawlilkom l-għajnejn ta’ ruħkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom”. Imexxina ’l quddiem u jimliena bit-tama li bħalu naslu fis-sema pajjiżna.
Kemm hu importanti li din qatt ma ninsewha f’moħħna u f’qalbna! Jekk aħna ngħixu qisu mhux hekk, ngħixu medhijin bl-affarijiet ta’ hawn, ħaġa wara l-oħra, u nitilfu l-aktar viżjoni importanti ta’ fejn irridu naslu. Imma l-mixja tagħna f’din il-ħajja hi mixja ta’ tama, u t-tama hi tassew importanti, f’dinja fejn kultant naqtgħu qalbna għax naraw ħafna affarijiet li jnikktuna, u niltaqgħu ma’ ħafna kuntrarju.
Iktar ma nħarsu lejn Ġesù tiela’ s-sema, iktar nagħmlu kuraġġ li l-ħajja ma tasalx biss sal-qabar, sal-punt tal-mewt. Hemm iżjed, u dik il-ħajja ġdida tibdel il-mod kif inħarsu lejn il-mixja tagħna f’din il-ħajja.
Għandna responsabbiltà
Ħa nħarsu lejn l-appostli. Dawn għall-mument qishom ħarsu lejn is-sema u ċċassaw, imbagħad fehmu din ir-responsabbiltà li Ġesù kien qed jafda lilhom, din il-missjoni, u nafu li wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, ħarġu u marru f’tant postijiet biex ixandru l-Evanġelju b’ħeġġa. Dawn kienu l-istess nies li meta raw lil Ġesù jmut, kważi kollha ħarbu. Imma issa fehmu, u fehmu ħaġa tassew importanti li tgħodd ħafna għalina llum: li l-ħsieb tas-sema lilna jurina aktar ir-responsabbiltà li għandna hawn, mhux inqas. Mhux aħna naħsbu fis-sema u ngħidu: tagħmel x’tagħmel, mhux għal hawn. M’aħniex għal hawn, veru, imma mhux tagħmel x’tagħmel xorta. Iktar ma naħsbu fis-sema, iktar nagħrfu ngħixu r-responsabbiltà li għandna hawn, li ż-żmien ngħixuh tajjeb, li naqdu l-missjoni li Alla tana, kull wieħed u waħda minna b’mod differenti, u naqduha bl-akbar imħabba u ġenerożità.
Meta qed nagħmlu hekk, qegħdin intejbu wkoll il-ħajja hawnhekk. Il-ħsieb tas-sema ma jfissirx li ma naħdmux biex il-ħajja tagħna hawn tkun aħjar. Anzi, Ġesù jrid li aħna, għax għandna l-ispirtu tiegħu u l-valuri tiegħu, naħdmu biex hawn il-ħajja tkun aktar li tixraq lill-bniedem u d-dinjità tiegħu u tagħha, u fl-istess waqt hawn naqdu l-missjoni li għandna li nxandru l-Evanġelju, kif kellhom l-appostli.
Għalhekk, meta nħarsu lejn l-appostli, nagħrfu wkoll ir-responsabbiltà tagħna. Mhux biss fejn irridu naslu, imma r-responsabbiltà li għandna llum li nagħmlu mill-aħjar skont il-missjoni li Alla tana, u naqduha bl-istess ferħ li kellhom l-appostli.
Nitolbu llum, aħna u niċċelebraw il-festa sabiħa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema, biex aħna dejjem nagħrfu: meta nħarsu lejn Ġesù, fejn irridu naslu; u meta nħarsu lejn l-appostli, ir-responsabbiltà li għandna hawn biex il-ħajja tagħna ngħixuha kif irid Alla aħna u mexjin lejn is-sema pajjiżna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju