L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mix-xbihat l-aktar antiki u għal qalb l-Insara hi x-xbieha ta’ Kristu Ragħaj. Insibuha sa mit-tieni seklu fil-katakombi, fejn l-Insara kienu għamlu dawn ir-rappreżentazzjonijiet ta’ Kristu Ragħaj waqt li kienu għaddejjin mill-persekuzzjoni.

Jaħsbu li l-iktar xbieha antika hi dik ta’ Kristu Ragħaj bin-nagħġa fuq spallejh, u ħdejh ukoll nagħaġ mexjin miegħu. Dawn huma żewġ karatteristiċi importanti ta’ Kristu bħala ragħaj: Kristu li jieħu ħsiebna, iħarisna; u Kristu li jmexxina. Ħa naraw dawn it-tnejn, u naraw kemm huma importanti wkoll għall-ħajja tagħna.

Ragħaj li jħarisna

L-ewwel waħda hi tar-ragħaj bin-nagħġa fuq spallejh. Hemmhekk għandna dak li smajna fit- Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier”. Meta għandna lir-ragħaj bin-nagħġa fuq spallejh, hemm din l-imħabba, l-attenzjoni individwali, is-sigurtà li r-ragħaj qed joffri lin-nagħġa biex iħarisha, biex jipproteġiha. U tfakkarna f’dak li kien qal Ġesù tar-ragħaj li jitlef nagħġa u jmur ifittixha. Fl-Evanġelju skont San Luqa, insibu li “jerfagħha fuq spallejh” biex ireġġagħha lura, jerfagħha fuq spallejh bi mħabba kbira.

Ix-xbieha tar-ragħaj bin-nagħġa fuq spallejh tfisser għalhekk li lilna jerfagħna u jħaddannha miegħu. Lejna wkoll għandu mħabba personali, kull wieħed u waħda minna. Lilna jdawwarna b’għożża, irid jipproteġina, joffrilna sigurtà. Hemm nindunaw kif il-figura ta’ Kristu Ragħaj twieġeb għall-aspirazzjoni u għall-bżonn li nħossu aħna l-bnedmin ta’ mħabba, ta’ sigurtà li nfittxu fil-ħajja tagħna. F’din ix-xbieha għandna dak li Kristu hu għalina. Ifakkarna wkoll li anke meta aħna nidinbu, meta nitilqu ’l bogħod minn Alla, hu jiġri warajna biex jerġa’ jeħodna miegħu u jimliena bl-imħabba tiegħu.

Kemm hi xbieha importanti għal ħajjitna, speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna, meta aħna nħossuna waħedna jew inkella għaddejjin minn tbatija! Kemm hu importanti li aħna niftakru li Alla jħaddanna miegħu b’dan il-mod bħalma r-ragħaj għandu n-nagħġa fuq spallejh u jerfagħna f’dawn il-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna!

Meta għandna lil Kristu jmexxina, għandna dik iċ-ċertezza li mexjin fit-triq it-tajba. Hu jgħinna biex f’ħajjitna ma nidħlux fi sqaq u biex ma nibqgħux deħlin ġo ħajt, imma jgħinna biex f’ħajjitna nimxu fit-triq it-tajba.

Ragħaj li jmexxina

Jekk inħarsu lejn in-naħa l-oħra tax-xbieha, tar-ragħaj li għandu n-ngħaġ mexijin miegħu, hemmhekk naraw xi jfisser Kristu li jmexxina u jagħtina direzzjoni fil-ħajja tagħna. Din ukoll hi importanti, għax aħna f’ħajjitna, kemm meta nindunaw u kemm meta ma nindunawx, mexjin wara xi ħaġa jew wara xi ħadd. Kultant anke meta jkun hemm ċerti xejriet fis-soċjetà, jiġbdu n-nies warajhom b’mod naturali. Anke meta ma tindunax, tkun qisek miexi jew miexja f’ċerta direzzjoni.

Meta għandna lil Kristu jmexxina, aħna għandna dik iċ-ċertezza li mexjin fit-triq it-tajba. Hu jgħinna biex f’ħajjitna ma nidħlux fi sqaq u biex ma nibqgħux deħlin ġo ħajt, imma jgħinna biex f’ħajjitna nimxu fit-triq it-tajba. Għalhekk bil-kelma tiegħu, bil-ħarsien tiegħu, imexxina fit-triq it-tajba. Miegħu nafu li aħna fiż-żgur. Nafu li jekk aħna nimxu warajh, u nimxu kif miexi hu, hemmhekk ikollna l-kriterju ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u nagħrfu dak li f’ħajjitna qed imexxina – jekk hux fit-triq li jurina hu, jew fi triq li teħodna ’l barra, ’il bogħod minnu. Għalhekk, din ukoll importanti: ir-ragħaj li miegħu mexjin in-ngħaġ hu xbieha ta’ Kristu Ragħaj li lilna jmexxina fil-ħajja tagħna.

Ragħaj li jagħti ħajtu

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitkellem ħafna drabi – isemmiha għal ħames darbiet – fuq ir-ragħaj li “jagħti ħajtu” għan-nagħaġ tiegħu. U x-xbieha tar-ragħaj bin-nagħġa fuq spallejh u tan-nagħaġ mexijin miegħu, hu r-ragħaj li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Mhuwiex il-mikri li ma jimpurtahx min-nagħaġ, imma huwa dak li jagħti ħajtu.

Jagħmel hekk magħna wkoll. Hekk ifisser Ġesù fil-ħajja tagħna. Hu ta ħajtu għalina, mhux biss għax miet għalina, imma l-ħajja kollha tiegħu hi għotja sħiħa għalina. Meta għandna lilu, għandna lil dak li ta ħajtu għalina. Lilna wkoll jgħinna biex ngħixu tassew b’dan l-istess spirtu tiegħu ta’ ħajja li hi għotja mimlija mħabba.

Nitolbuh illum, aħna u nħarsu lejn Kristu Ragħaj, li dejjem niftakru li hu dak li lilna jerfagħna fuq spallejh. Niftakru li waħda mill-aħħar talbiet sbieħ fit-tmiem tal-ħajja, waqt il-funeral, tgħid: “jerfgħu (jew jerfagħha) fuq spallejh ir-ragħaj it-tajjeb”. U nitolbu wkoll li jkun hu r-Ragħaj li jmexxina, għax miegħu nafu li mexjin fit-triq it-tajba, u miegħu nafu żgur li nkunu sibna t-triq, is-sewwa u l-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop