L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Emmen il-kelma li qallu Ġesù”. Dan hu li naqraw fuq dan l-uffiċjal tas-sultan fl-Evanġelju skont San Ġwann illum. L-uffiċjal li ġie l-Galilija jfittex lil Ġesù biex jitolbu jfejjaqlu lil ibnu għax kien marid u wasal fl-aħħar. Għamillu talba ħerqana lil Ġesù: “Inżel, Mulej, qabel ma jmutli t-tifel”. Hi talba tassew ħierġa minn qalb maqsuma, li tqiegħed quddiem Ġesù x-xewqa li hu jmur ma’ dan ir-raġel id-dar ħalli jfejjaqlu t-tifel.

Naqraw fl-Evanġelju li Ġesù qallu: “Mur, ibnek ħaj”. Qisha tidher risposta ftit xotta għall-bidu. Dar-raġel talbu biex jinżel miegħu, imur id-dar, u Ġesù bagħtu u qallu “ibnek ħaj”. Qal dil-kelma u daqshekk. Imma r-raġel, flok qagħad jinsisti jew jistenna ħa jara x’se jagħmel, jekk hux se jinżel miegħu, emmen il-kelma li qallu Ġesù, u telaq.

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann naraw diversi sinjali li għamel Ġesù, marbutin mal-fidi, mal-fatt li wieħed jemmen. Dan hu t-tieni wieħed li għamel fil-Galilija, wara dak tat-tieġ ta’ Kana. Li naraw mhijiex l-enfasi fuq il-miraklu bħala xi ħaġa maġika, xi ħaġa tal-għaġeb, imma fuq sinjali marbutin mal-fidi. Fil-fatt dar-raġel seta’ jara kemm sewa li emmen u telaq, għax hu u nieżel lejn id-dar, fit-triq jiltaqa’ mal-qaddejja li jiġu jgħidulu: ibnek qaleb għall-aħjar. U meta jara l-ħin, kien proprju l-ħin li Ġesù qallu: “Ibnek ħaj”. Għalhekk Ġesù mill-bogħod, mhux mill-viċin, għamel dan il-miraklu mal-iben ta’ dan l-uffiċjal.

Ġesù jistedinna biex nemmnu fil-kelma tiegħu, għax anke jekk ma narawx dak il-mument, dak li hu jgħidilna hu dejjem ta’ ġid għalina, hu dejjem ta’ għajnuna għalina

Hekk naraw f’din is-silta l-enfasi fuq it-twemmin fil-kelma ta’ Ġesù. Dar-raġel għaraf kemm kien ta’ ġid għalih li hu emmen fil-kelma li qallu Ġesù, li ma qagħadx jinsisti miegħu li jrid jieħdu d-dar ħalli hemmhekk jarah ifejjaq, imma emmen fil-kelma. Ġesù mill-bogħod fejqu, u fil-fatt imbagħad naraw kif dan ir-raġel meta mar id-dar “emmen hu u l-familja kollha tiegħu”.

Dan hu messaġġ sabiħ ħafna għalina, stedina biex aħna nemmnu fil-kelma ta’ Ġesù; biex aħna wkoll naqsmu miegħu dak li ngħaddu minnu – ix-xewqat tagħna, it-tbatijiet tagħna – imma b’konvinzjoni li hu jagħmel dak li hu ta’ ġid għalina. Kultant jiġri li nitolbu, u jkollna xewqat sbieħ u tajbin, imma qisu ma narawx ir-riżultat. Qisu nibqgħu bit-talba, speċjalment meta tkun bħal ta’ dan ir-raġel, talba għal xi ħadd marid. Imma Ġesù jistedinna biex nemmnu fil-kelma tiegħu, għax anke jekk ma narawx dak il-mument, dak li hu jgħidilna hu dejjem ta’ ġid għalina, hu dejjem ta’ għajnuna għalina. Hu jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ li għandna bżonn fil-ħajja tagħna.

Nitolbu lill-Mulej illum biex isaħħaħ fina l-fidi, il-fidi fil-kelma tiegħu; biex jgħinna ħalli aħna dejjem naqsmu miegħu dak li ngħaddu minnu f’ħajjitna, inqiegħdu quddiemu t-tbatijiet tagħna u anke ta’ dawk qrib tagħna, bħalma għamel dan l-uffiċjal tas-sultan. Nagħmlu dan b’konvinzjoni li hu jgħid kelma li tkun ta’ ġid għalina, li lilna tgħinna fil-ħajja tagħna, u tgħin ukoll lil dawk ta’ madwarna biex il-fidi fil-kelma tiegħu nkunu nistgħu naqsmuha wkoll mal-oħrajn li ngħixu magħhom, li naħdmu magħhom, li nkunu magħhom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju