Photo: Viktoria Nikolla

Caritas Malta, nhar is-Sibt li ġej, 18 ta’ Ottubru se tniedi l-ktieb INĦOBBKOM b’tifkira tal-fundatur ta’ Caritas Malta kif nafuha llum, Monsinjur Victor Grech.

Fil-Kelmtejn Qabel, l-editur tal-ktieb Joe Cassar jgħid li din il-pubblikazzjoni kienet xewqa kbira ta’ Monsinjur Grech innifsu u staqsa dwarha minn fuq is-sodda tal-mewt tiegħu proprju jumejn qabel ma’ miet fil-5 ta’ Frar li għadda.

Cassar jgħid ukoll li t-titlu tal-ktieb kien kważi awtomatiku għax l-aktar kelma li kienet toħroġ minn qalb Monsinjur Grech quddiem ir-residenti ta’ San Blas u persuni oħra li jkollu quddiemu kienet proprju din: “Inħobbkom, inħobbkom ħafna”.

Il-ktieb hu mqassam f’sezzjonijiet differenti u b’kollox fih 350 paġna. L-itwal sezzjoni hi dik b’kitbiet ta’ persuni li għexu qrib tiegħu fosthom impjegati tal-Caritas, voluntiera li ħadmu miegħu, residenti u eks residenti ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni li ħafna minnhom jafu l-fejqan tagħhom lilu, u ta’ persuni mill-parroċċa Tal-Ibraġ fejn kien iqaddes u għex Monsinjur Grech fl-aħħar snin ta’ ħajtu.  

Fih ukoll l-aħħar intervista li Monsinjur Grech ta lill-midja qabel saħħtu bdiet tiddeterjora. Din l-intervista esklussiva ma’ Monsinjur Grech saret mill-editur tal-ktieb stess u qatt ma kienet pubblikata qabel.

Sezzjoni oħra hi dik ta’ siltiet mill-Evanġelju segwiti minn riflessjonijiet qosra mimlija għerf u mħabba minn Monsinjur Grech li kienu ttajpjati u ffajljati u li wkoll qatt ma kienu ġew pubblikati qabel.

Il-ktieb INĦOBBKOM jinkludi wkoll aktar minn 60 paġna b’ritratti minn ħajtu, uħud minnhom qatt ma dehru qabel u sezzjoni li tfakkar fil-funeral tiegħu fi Frar li għadda.

Id-Daħla għall-ktieb hi tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Il-ktieb INĦOBBKOM jista’ jiġi akkwistat billi wieħed jidħol fis-sit ta’ CARITAS Malta hawn u jimla l-formola biex jibbukkja l-kopja tiegħu. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel ukoll in-numru 22199000.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Michael Caruana