L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Aktarx ma hawn imkien ieħor fid-dinja fejn jiċċelebraw nawfraġju. Li jfakkru nawfraġju li jkun sar, iva, imma ħafna drabi jfakkruh minħabba l-ħsara li jkun ħalla u l-imwiet tan-nies.
Aħna mhux infakkru nawfraġju, imma niċċelebraw in-nawfraġju ta’ San Pawl. U niċċelebrawh mhux biss għax dakinhar in-nies kollha li kienu fuq il-ġifen salvaw, imma niċċelebrawh l-aktar għax dan kien ifisser li Malta laqgħet il-fidi fi Kristu. Dan kien ifisser bidla fundamentali u ta’ ġid fil-ħajja tal-Maltin.
Gratitudni lejn Alla
Għalhekk illum l-ikbar sentiment hu dak ta’ gratitudni – li aħna nkunu grati għal din il-ġrajja li għadna kif smajna fid-dettall fl-Atti tal-Appostli.
L-ewwel nett il-gratitudni lejn Alla, għax hu ċar mir-rakkont li kienet bis-saħħa tal-provvidenza ta’ Alla li San Pawl ġie Malta. Tinnota fir-rakkont kif ħadd minn dawk il-276 persuna ma ppjana li dan il-ġifen jiġi Malta – la min kien fuq il-ġifen u lanqas min ippjana l-vjaġġ lejn Ruma. Lanqas San Pawl; anzi hu f’mument minnhom, kif smajna fir-rakkont, jgħid: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta”. Kieku semgħu minnu u ma telqux, ma kinux jiġu hawn!
Meta tara minn fejn telaq dan il-ġifen u fejn ħabat f’Malta, gżira ċkejkna fil-Baħar Mediterran, hemm verament tinduna kemm hi l-Provvidenza ta’ Alla. Bl-ebda mod ma tista’ qatt timmaġina li f’tempesta hekk kbira, li l-ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid li “fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw”, il-ġifen jasal Malta. Għalhekk hemm dik il-kelma tant importanti “Jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira.” “Jeħtieġ” turi l-Provvidenza ta’ Alla. Alla jidħol qalb l-aqwa deni biex minnu joħroġ l-akbar ġid, jidħol f’sitwazzjoni ta’ dlam – ta’ nies li qatgħu qalbhom – biex minnha joħroġ l-ikbar dawl u l-akbar tama. Għalhekk l-ewwel gratitudni hi lejn Alla.
Gratitudni lejn San Pawl
Imbagħad aħna grati ħafna lejn San Pawl. Il-mument li rifes Malta, beda jagħmel l-istess kif kien għamel postijiet oħra fejn kultant in-nies daru kontrih. Hawnhekk xandar l-Aħbar it-Tajba bix-xhieda l-ewwel u bil-kelma.
Bix-xhieda billi fejjaq il-morda. Dak li smajna lil Ġesù fl-Evanġelju jgħid lill-ħdax tarah fir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl. Hu wera tassew min hu Alla: Alla li jfejjaq, Alla li jġib il-ġid lill-bniedem. Imbagħad ukoll bil-kelma u l-predikazzjoni tiegħu fiż-żmien li dam hawn. Għalhekk aħna grati ħafna lejn San Pawl Missierna għax hu wasslilna l-Aħbar it-Tajba ftit snin wara l-ġrajja ta’ Kristu.
Gratitudni lejn il-Maltin
Aħna grati wkoll lejn il-Maltin ta’ dak iż-żmien. Tolqtok kif il-Maltin li kienu għadhom ma semgħux bi Kristu kellhom diġà d-dispożizzjoni f’qalbhom li jilqgħu l-kelma ta’ Alla. Kellhom qalbhom miftuħa. Kienu għad iridu jisimgħu dak li qal Ġesù “Kont barrani u lqajtuni”, imma hekk għamlu huma. Hawn l-enfasi hi fuq kif il-Maltin laqgħu lin-nies tal-ġifen, “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”. Kemm huma, kif ukoll Publiju, il-mexxej tal-Maltin, li wkoll ir-rakkont jenfasizza kif laqa’ bil-qalb li jilqa’ lil dawk in-nies. Għalhekk aħna grati lejn il-Maltin ta’ dak iż-żmien li laqgħu l-kelma, li kellhom qalbhom miftuħa, u b’hekk setgħet tinżera’ l-fidi li mbagħad ġabet tant ġid fost il-Maltin.
Alla jidħol qalb l-aqwa deni biex minnu joħroġ l-akbar ġid, jidħol f’sitwazzjoni ta’ dlam – ta’ nies li qatgħu qalbhom – biex minnha joħroġ l-ikbar dawl u l-akbar tama
Aħna grati wkoll lejn tant Maltin tul is-snin. Meta nħarsu lejn dawn l-elfejn sena, naraw tant nies li laqgħu l-kelma ta’ Alla u għexuha. Meta nħarsu lejn l-Istorja ta’ Malta, naraw kemm il-fidi għamlet ġid, kemm nies ispirati mill-fidi għamlu l-ġid. Anke ġid soċjali, ġid ma’ min kien fil-bżonn, ma’ nies fit-tbatija. Dak li għamel San Pawl hawnhekk, komplewh il-Maltin tul is-snin.
Għalhekk l-ikbar sentiment hu dak ta’ gratitudni lejn Alla, lejn San Pawl, lejn il-Maltin ta’ dak iż-żmien u lejn il-Maltin tul l-Istorja.
Ir-responsabbiltà tagħna llum
Il-ġrajja tal-lum ma tiġix biss biex inħarsu lura, imma wkoll biex nagħrfu dak li qed ngħixu llum u nħarsu ’l quddiem. Irridu niftakru fis-sejħa u r-responsabbiltà li għandna li t-teżor tal-fidi ngħadduh lill-oħrajn. Ngħadduh lill-oħrajn bħala l-aqwa ġid, dak li jġib il-ħajja tassew għall-aħjar.
Illum is-sitwazzjoni hi differenti ħafna, u tul is-snin tinbidel. Imma t-talba tagħna llum hi biex filwaqt li jkollna f’qalbna l-gratitudni għal din il-ġrajja, qatt ma nitilfu t-tifsira ta’ din il-ġrajja għal ħajjitna, u nibqgħu ngħożżu l-fidi bħala l-aqwa teżor li għandna, li jgħinna f’ħajjitna, u li jgħin lil dawk kollha li b’xi mod taslilhom il-fidi biex jgħixuha fil-ħajja tagħhom.
Nagħmlu din it-talba, waqt li nirringrazzjaw lil Alla. Nitolbuh biex aħna dejjem ngħożżu l-fidi u ngħadduha lill-oħrajn bħala dik li f’ħajjithom tgħinhom biex ikollhom l-aqwa ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju