•  ***

    Direttur:          Ari Sandel

    Atturi:              Wendi McLendon-Covey, Madision Iseman, Jeremy Ray Taylor, Caleel Harris, Chris Parnell, Ken Jeong, Jack Black, Mick Wingert, Bryce Cass, Peyton Wich u Kendrick Cross

    Ħin tal-Film:    90 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Sarah Quinn, teenager, tgħix m’ommha Kathy u ħuha Sonny f’Wardenclyffe, ġewwa New York. Sarah xtaqet tidħol  fl-Università ta’ Columbia iżda kien hemm il-bżonn li tikteb komponiment fuq il-biża’. Kathy taċċetta tieħu ħsieb il-ħabib ta’ Sonny, Sam Carter. Missieru xtaq imur sal-belt. Ir-responsabbiltà  taqa’ fuq Sarah għaliex Kathy nqabdet b’xogħol. Sonny u Sam ittantaw jibdew negozju billi jiġbru skart minn djar abbandunati. F’waħda minn dawn id-djar isibu senduq li fih kien hemm ktieb maqful, b’ċavetta maġembu. Sonny jiftaħ il-ktieb. Għal bidu ma jiġri xejn, iżda wara ftit ħin, jidħer pupu, bla ħajja. Fil-but tal-pupu jsibu karta bi kliem maġiku u hekk kif jaqraw dan il-kliem, il-pupu jieħu l-ħajja.

    Sfortunatament, kif joħorġu mid-dar jiltaqgħu ma’ tliet żgħażagħ li wieħed minnhom, Tommy Madigan jisirqilhom il-ktieb. Sadanittant, Sonny kien qed jaħdem fuq proġett għall-iskola, verzjoni ċkejkna ta’ Nikola Tesla’s Wardenclyffe Tower.  Il-pupu mlaqqam Slappy, jirrevela li hu kien ħaj tassew u biex jipprova dan, juża’ l-maġika billi jgħin fix-xogħol tad-dar u anke jagħmel il-homework ta’ Sonny.

    Sadanittant, Sarah tmur għar-riċeviment biex tiltaqa’ mal-maħbib tagħha Tyler iżda hemm issibu jbus tfajla oħra. L-għada Slappy juża l-qawwa maġika tiegħu billi jattakka lil Tyler u anke jissabotaġġa l-proġett ta’ Sonny. Il-grupp jirrealizzaw li Slappy kien pupu ħażin. Huma jirnexxielhom jaqbdu l-pupu u jippruvaw jeħilsu minnu. Iżda l-pupu jaħrabilhom. F’dik il-lejla, il-grupp isib artiklu minn fuq l-internet tal-ġrajjiet li seħħew ġewwa Madison, Delaware. Huma jippruvaw jagħmlu kuntatt ma’ R. L. Stine meta huma jintebħu li l-ktieb li kienu sabu kien il-manuskritt mhux pubblikat ta’ Goosebumps: Haunted Halloween, miktub minn Stine, li kien jinsab jgħix f’kamra ġewwa bosk. Stine meta jisma’ l-messaġġ tagħhom jitlaq b’kemm kellu ħila għal Wardenclyffe.

    Sadanittant, Slappy jmur f’ħanut fejn hemm isib ħafna kostumi grotteski li kienu jintlibsu għal waqt il-festa tal-Halloween u hemm juża’ l-maġika tiegħu u jtihom kollha l-ħajja. Anke Walter, li kien jieħu ħsieb il-ħanut, bidlu fi ġgant krudili ħotbi. Minn hemm, flimkien magħhom, Slappy imur lejn it-Tesla Tower biex minn hemm  jużah biex jinkanalja l-maġika tiegħu.  X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, kummiedja tal-biżà, taħt id-direzzjoni ta’ Ari Sandel u kitba ta’ Rob Lieber. Minħabba xi xeni ta’ biża’ u vjolenza, tajjeb li t-tfal jarawh ma’ xi adult.