L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” Dan kien il-kliem li wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù, Indrì, qallu meta semmielu l-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet li kellu t-tfajjel hemmhekk, biex jitma’ lil dawk l-eluf.

Ġesù ried li jagħtihom l-ikel, u ikel ma kienx hemm. Kien hemm biss dan it-tfajjel b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Nista’ nimmaġina l-ħarsa fuq wiċċ dan id-dixxiplu meta qallu b’dawn il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet biex jitma’ lil dawk l-eluf.

Imma Ġesù x’għamel? Ma qallux: ħallihom, issa naħseb jien, x’tista’ tagħmel b’dawn? Konna nifhmuh kieku qallu hekk. Imma Ġesù ħa l-ftit ta’ dak it-tfajjel u minnhom għamel ikel biżżejjed u żżejjed għal dawk in-nies li kien hemm. Ir-rakkont jgħid li ġabru 12-il qoffa bil-loqom li ħallew in-nies, għax Ġesù ma ried li jinħela xejn. Ġabru iktar milli kien hemm fil-bidu nett. Ġesù għamel dan il-miraklu kbir b’dak il-ftit ta’ dan it-tfajjel.

Ġesù jrid il-ftit tagħna. Irid l-isforzi li aħna nagħmlu. Jekk aħna lesti li noffruhomlu, Ġesù minnhom jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Imma jrid li aħna nagħtuh il-ftit tagħna.

Dan ir-rakkont ta’ din il-ġrajja kbira, li fil-fatt tissemma’ fl-Evanġelji kollha, tant impressjonat lin-nies, jgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna. Jurina li Ġesù jimpurtah minna. Lil dawk in-nies Ġesù mhux biss ried iwasslilhom il-kelma imma ried jagħtihom ukoll x’jieklu. Ma’ Ġesù hemm dejjem l-abbundanza, mhux bil-kejl – bħalma qal hu stess: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”, bl-abbundanza. Imma l-abbundanza qatt ma tfisser ħela, għax għal Ġesù l-ħela tfisser li qed tieħu l-ikel minn ħalq dawk li huma fil-bżonn.

Imbagħad hemm xi ħaġa speċjali li jurina dan ir-rakkont li tant tgħodd għal ħajjitna. Ġesù għażel li jieħu l-ftit ta’ dan it-tfajjel. Magħna wkoll jagħmel l-istess. Ġesù jrid il-ftit tagħna. Irid l-isforzi li aħna nagħmlu. Jekk aħna lesti li noffruhomlu, Ġesù minnhom jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Imma jrid li aħna nagħtuh il-ftit tagħna.

Aħna kultant nirraġunaw: imma jien, li nista’ nagħmel, mhux ftit? Ħdejn il-problemi li hawn, l-isfidi li jkun hawn, x’inhu dak li nista’ nagħmel jien?  Kultant jirraġunaw hekk il-ġenituri huma u jrabbu lil uliedhom u jkunu ppreokkupati fuqhom; jaraw dak li huma jistgħu jagħmlu huwa ftit ħdejn il-ħafna influwenzi fuq uliedhom. Kultant jirraġuna hekk min jipprova jagħmel il-ġid, pereżempju jgħin lill-familji f’diffikultà. Jgħidlek: li nista’ nagħmel jien qisu qatra f’oċean. L-Evanġelju jurina li Ġesù jrid dak il-ftit. Jekk aħna noffrulu dak il-ftit, jekk noffrulu l-isforzi tagħna dgħajfa kemm huma dgħajfa, minnhom Ġesù jagħmel xi ħaġa lil hinn milli nkunu ħsibna u immaġinajna aħna, u xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.

L-Ewkaristija li niċċelebraw hi esperjenza ta’ dan. Fl-Ewkaristija aħna nippreżentaw u noffru l-ftit ħobż u nbid. Minnhom Ġesù jagħmel l-aqwa, għax jibdilhom fil-ġisem u d-demm tiegħu. Huwa miraklu mhux tal-kwantità imma tal-kwalità, tal-akbar kwalità. Naraw ix-xebh bejn dan ir-rakkont u l-Ewkaristija anke fil-kliem: ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newlu lin-nies. Fl-Ewkaristija aħna għandna l-ikbar esperjenza ta’ kif lil Alla meta nippreżentawlu l-ftit tagħna, hu jibdlu mhux biss f’xi ħaġa kbira imma fl-aqwa li jista’ jagħtina: lilu nnifsu, il-ġisem u d-demm tiegħu. Ħafna minna bħalissa ma nistgħux nirċievu l-Ewkaristija, imma din il-ġrajja tħeġġeġ fina x-xewqa li tasal il-ġurnata meta nistgħu nirċievu mill-ġdid l-Ewkaristija regolarment. Din il-ġrajja tgħinna biex napprezzaw l-Ewkaristija, u tgħinna wkoll biex napprezzaw il-ftit li nistgħu nagħmlu aħna ħalli dejjem noffruh lil Alla biex minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid, u ta’ ġid għal ħafna.

✠ Joseph Galea-Curmi
    Isqof Awżiljarju