L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Is-solennità ta’ Marija mtellgħa s-sema lilna tagħtina messaġġ ta’ kuraġġ u ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. Aħna qed niċċelebraw il-milja tal-mixja ta’ Marija li bdiet fit-Tħabbira – li niċċelebraw b’mod speċjali f’din il-Knisja – meta hi laqgħet lil Ġesù fi ħdanha, u kompliet ħaġa waħda miegħu sal-mument li hi ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Marija kienet dik li emmnet f’Ġesù, l-ewwel dixxiplu tiegħu, u baqgħet qrib tiegħu ħajjitha kollha sa taħt is-salib; hemmhekk qasmet miegħu dak il-mument hekk iebes tat-tbatija. Marija mbagħad kienet l-ewwel waħda li gawdiet b’mod sħiħ mill-qawmien ta’ Ġesù, kif smajna lil San Pawl jgħid fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, meta jitkellem fuq il-qawmien mill-mewt: “l-ewwel Kristu, wara dawk li huma ta’ Kristu”. Papa Franġisku jiddeskriviha b’mod sabiħ ħafna. Jgħid: Marija kienet l-ewwel waħda li laqgħet  f’dirgħajha lil binha Ġesù meta kien għadu tarbija, u hija sabet lil dirgħajh jilqgħuha meta ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

X’inhu l-messaġġ għalina, għall-ħajja tagħna f’din il-festa tal-lum? Insemmi tliet punti.

L-ewwel nett li l-ġenna teżisti u li aħna msejħin biex naslu hemm. Jekk aħna niċċelebraw lil Marija li ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, dan ifakkarna qabel xejn li aħna maħluqin biex naslu hemm, fit-tmiem tal-mixja tagħna. M’aħniex imsejħin biex ngħixu ftit snin hawn, imbagħad kollox jispiċċa fix-xejn; imma msejħin biex naslu fis-sema pajjiżna bħalma waslet qabilna Marija. Għalhekk din il-viżjoni tas-sema – li aħna rridu naslu hemm – tgħinna mbagħad ħafna fil-ħajja tagħna hawnhekk.

Il-miżuri ta’ bħalissa huma neċessarji għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa ta’ ġisimna u għandna responsabbiltà li nħarsuhom bir-reqqa. Anke jekk naraw li jkun hemm min jiġi jaqa’ u jqum jew mingħalih li xejn mhu xejn, qatt mhi ġustifikazzjoni għalina biex ngħidu “ma jimpurtaniex”. Għandna responsabbiltà għalina u għall-oħrajn.

It-tieni: Marija turina t-triq li biha naslu tassew fis-sema. Turina li aktar ma nkunu marbutin ma’ Ġesù, bħalma għexet hi ħaġa waħda miegħu, aktar inkunu qed nippreparaw ruħna għall-mument meta hu jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk aħna nħarsu lejn il-ħajja tagħha, turina kif għandna ngħixuha. Hi għexitha dejjem magħquda ħaġa waħda ma’ Ġesù u bi mħabba sħiħa lejh u lejn l-oħrajn. Din hi t-triq li turina hi; mhux biss turihielna, imma hi tgħinna wkoll u tagħmlilna l-kuraġġ bħala Omm matul ħajjitna. Għalhekk, kif ngħidu ftit ieħor f’talba hawnhekk, Marija hi sinjal ta’ tama u ta’ faraġ li tmexxina ’l quddiem f’din il-ħajja, biex tgħinna ngħixu bl-aħjar mod iż-żmien li Alla jagħtina hawn u dan ikun l-aħjar tħejjija għall-mument meta niltaqgħu miegħu fis-sema.

It-tielet: karatteristika partikulari ta’ din il-festa hi l-enfasi li Marija ġiet imtellgħa s-sema “bir-ruħ u l-ġisem”. It-tnejn flimkien – ir-ruħ u l-ġisem – għax Alla jsalva lill-bniedem sħiħ. Bħalma Ġesù qam mill-mewt bil-ġisem glorjuż – l-istess ġisem li kellu imma trasfigurat – u tela’ s-sema bil-ġisem glorjuż, hekk ukoll Marija; imma hekk ukoll hi d-destinazzjoni tagħna. Mhux biss li ruħna tgawdi lil Alla, imma ’l quddiem ġisimna wkoll iqum għal ħajja ġdida.

Dan ifakkarna li Alla jsalva lill-bniedem b’mod sħiħ, u jrid li hawnhekk aħna nieħdu ħsieb ruħna u ġisimna flimkien. Kultant jiġri li nimmaġinaw li nieħdu ħsieb ġisimna hi ħaġa naturali, u nieħdu ħsieb ruħna hi ħaġa ta’ Alla. Alla jrid li nieħdu ħsieb ruħna – u importanti – imma tana ġisem biex nieħdu ħsiebu hawnhekk u biex, min-naħa tagħna, nagħmlu dak li nistgħu biex inħarsuh. Għalhekk dawn il-miżuri ta’ bħalissa li huma neċessarji għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa ta’ ġisimna aħna għandna responsabbiltà li nħarsuhom bir-reqqa. Anke jekk naraw li jkun hemm min jiġi jaqa’ u jqum jew mingħalih li xejn mhu xejn, qatt mhi ġustifikazzjoni għalina biex ngħidu “ma jimpurtaniex”. Aħna għandna responsabbiltà għalina u għall-oħrajn. Għandna responsabbiltà għaliex Alla tana l-ħajja tagħna biex nieħdu ħsiebha u nħarsuha, il-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Għalhekk dil-festa tfakkarna li Alla jrid li sakemm jiddependi minna – għax kif nafu mhux dejjem jiddependi minna –  aħna dejjem nieħdu ħsieb ta’ ruħna u ta’ ġisimna flimkien, għax Alla lilna jsalvana b’mod sħiħ. U Marija mtellgħa bir-ruħ u l-ġisem tfakkarna f’din ir-responsabbiltà li għandna lkoll.

Nirringrazzjaw lil Alla u nfaħħru lil Marija bil-kliem tagħha stess li smajna fl-Evanġelju skont San Luqa, meta hi tgħid: “kull nisel jibda jsejjaħli hienja”. Ċertament aħna nsejħulha hienja, aħna nfaħħruha lil Marija, u nitolbuha biex hi, imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, tkun għalina dejjem dan is-sinjal ta’ fejn irridu naslu imma wkoll ta’ kif irridu ngħixu hawnhekk biex nistgħu naslu bħalha fis-sema pajjiżna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju