L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ut in omnibus glorificetur Deus”. Dawn il-kelmiet bil-Latin insibuhom fil-Prologu tar-Regola ta’ San Benedittu. U jfissru: “Biex f’kollox ikun igglorifikat Alla”. Dan hu, fil-fatt, l-essenzjal tal-ħidma kolha ta’ San Benedittu, u huwa dak li jmexxi wkoll il-ħidma li ssir illum mill-Benedittini, li waqqaf San Benedittu, fid-diversi monasteri tagħhom. Aħna llum qegħdin nagħtu ġieh lil dan il-qaddis kbir, li hu wieħed mill-patruni tal-Ewropa – kien għamlu patrun il-Papa Pawlu VI – u missier il-monastiċismu tal-Punent, u ta kontribut kbir għaċ-ċiviltà u għall-kultura tal-Punent.
Hu interessanti ħafna meta naraw il-ħajja tiegħu. Twieled fis-sena 480 ġewwa Norcia, l-Italja, u l-familja tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja fiż-żgħożija tiegħu. Hemmhekk għamel ħidma kbira ta’ studju, imma fl-istess waqt kien disgustat bl-ispirtu li kien hemm, bl-immoralità li kien hemm, u ddeċieda li jħalli hemmhekk u jmur għall-kwiet fil-Lvant ta’ Ruma, fejn hemmhekk ikun iktar ma’ Alla fi spirtu ta’ talb. Interessanti li l-Papa Benedittu XVI, meta jitkellem fuq dal-qaddis, jgħid li hemmhekk Benedittu kellu tliet tentazzjonijiet li jrid jirbaħ. Li kienu: l-ewwel tentazzjoni, li jfittex lilu nnifsu, il-glorja tiegħu, li kollox idur miegħu; it-tieni, li jħalli dak li jħoss imexxih; u t-tielet, li jħalli l-korla u l-vendetta jaħkmuh. Meta dawn it-tentazzjonijet għelibhom, seta’ mbagħad jibda tassew dil-ħajja tal-monasteru l-ewwel f’Subiaco, u iktar ’il quddiem f’Montecassino, fejn imbagħad għamel dir-regola li baqgħet imsemmija ħafna, għax fiha ħafna “għerf” – kif smajna llum fil-qari tal-Kelma ta’ Alla (ara Prov. 2:1-19). Fiha ħafna l-għerf ir-regola ta’ San Benedittu.
Interessanti li Benedittu għex fi żmien diffiċli. Aħna kultant nitkellmu fuq żmienna u ngħidu: kemm hawn ħażen, qatt ma kien hawn daqshekk ħażen! Hekk kienu jgħidu fi żmienu wkoll. Kien hemm dekadenza sħiħa, u l-valuri kienu qegħdin jitmermru. Imma x’għamel Benedittu? Flok qagħad jilementa u waqaf hemm, beda xi ħaġa ġdida. U beda ħidma fil-monasteri differenti ta’ Benedittini li jkunu ddedikati lil Alla, u l-ħajja tagħhom tkun mibnija fuq it-talb u l-ħidma – “ora et labora”. Fil-fatt, fuq hekk jinsisti ħafna: kemm hu importanti li aħna jkollna l-għeruq tagħna fit-talb, fl-għaqda ma’ Alla, biex imbagħad hemmhekk ikollna l-għajnuna ħalli nistgħu nagħmlu ħidma ta’ kontribut kbir lis-soċjetà.
Jekk inti tħares lejn l-istorja tal-Benedittini, wara Benedittu, tara kemm tassew taw kontribut kbir fil-bini ta’ ċiviltà u kultura Ewropeja, ispirati dejjem minnu u mir-regola tiegħu. Għalhekk, li jħeġġiġna Benedittu llum hu biex aħna dejjem infittxu li ngħixu dak li nemmnu – inkunu magħqudin ma’ Alla fil-ħajja tat-talb – u nagħtu tassew kontribut pożittiv lis-soċjetà. Nagħmlu dan anke jekk aħna konxji tal-ħażen, ta’ dak li jfisser ħafna drabi tmermir tal-valuri, imma nibnu xi ħaġa li tkun tassew ta’ ġid għas-soċjetà.
Naħseb li fuq din il-frażi tiegħu – “f’kollox ikun igglorifikat Alla” – għandna hemmhekk programm għall-ħajja tagħna. Biex dak kollu li nagħmlu fil-ħajja tagħna, kemm jekk tkun ħidma fil-postijiet tax-xogħol, kemm jekk tkun ukoll ħidma fi ħdan il-familja u ta’ għajnuna għall-oħrajn – kull ħidma tagħna nagħmluha b’dan l-ispirtu: biex ikun igglorifikat Alla. Nafu kemm jiswa dan, għax jekk hemm xi ħaġa li tolqotna ħafna fis-soċjetà Maltija fi żmienna hija kemm hu mkasbar Alla, u l-isem tiegħu.
Għalhekk illum nitolbu lil San Benedittu biex aħna jkollna din il-frażi li għamel hu fir-regola tiegħu li tmexxina f’ħajjitna, biex fi kliemna u f’għemilna, fil-kontribut li nagħtu lis-soċjetà, dejjem ikollna f’moħħna u f’qalbna li “f’kollox ikun igglorifikat Alla”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta