• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
    22 ta’ April 2018

    L-Evanġelju li għadna kemm smajna f’dan ir-Raba’ Ħadd tal-Għid, li huwa magħruf bħala l-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, Ġesù juża’ din l-espressjoni sabiħa u profonda diversi drabi.

    Diversi drabi Ġesù jgħid: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:11). Il-kelma ‘tajjeb’ fil-Grieg oriġinal tfisser ‘tajjeb’ u tfisser ukoll ‘sabiħ’. It-tjubija li tiġbdek. Ħafna drabi meta niltaqgħu ma persuna li tolqotna b’mod sabiħ, ngħidu: ‘Tolqtok it-tjubija tiegħu’. U t-tjubija f’Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, hija tjubija li tattirak, li tolqtok. Hija tjubija tassew sabiħa. 

    Għeżież ħuti li minn hawn u ftit ħin ieħor bit-tqegħid tal-idejn tal-Isqof u bit-talba tal-Knisja, l-Ispirtu s-Santu se jordnakom djakni, nixtieq naqsam ftit ħsibijiet ispirati minn din il-paġna tal-Evanġelju skont San Ġwann.  

    Huwa faċli li meta taqra kapitlu 10 mill-Evanġelju San Ġwann, tagħmel omelija fuq l-isqof u fuq il-qassis, imma d-djaknu x’għandu x’jitgħallem minn din il-paġna? Għax intom m’intomx ser tiġu ordnati għas-saċerdożju, li huwa l-ministeru tar-ragħaj fil-Knisja. Jekk Alla jrid, nerġgħu niltaqgħu s-sena d-dieħla. Imma d-djaknu meta jaqra din il-paġna tal-Evanġelju, x’jitgħallem? Jiena nixtieq nissuġġerilkom tliet ħsibijiet li huma marbuta mat-tliet mumenti meta Ġesù jirrepeti l-identità tiegħu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb.   

    Inti djaknu veru jekk tagħti ħajtek!

    Kull darba Ġesù jispjega xi jfisser għalih li jkun mhux biss ragħaj, imma ragħaj tajjeb. Fl-ewwel mument jiddistingwi lilu nnifsu mir-ragħaj li huwa mikri; mir-ragħaj li jimpurtah minn dak li se jaqla’ mix-xogħol tiegħu, dak li malli jara l-periklu jaħrab, u Ġesù jgħid: “Mikri, hu ma jħabbilx rasu min-nagħaġ” (Ġw 10:13). “Imma r-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10:14).      

    Nistgħu ngħidu li l-qofol tad-djakonat, li huwa l-pedament tal-Ordnijiet l-oħrajn fl-Ordni Sagru, li hu sagrament uniku, huwa li tagħti ħajtek. Inti djaknu veru jekk tagħti ħajtek! Illum l-għotja tagħkom il-Knisja tilqagħha bħala għotja tal-għażla taċ-ċelibat, tal-impenn tagħkom li titolbu f’isem il-Knisja, imma ftakru li intom qaddejja u l-qaddej mhux biss iħares lejn dak li se jaqla’ — għax dak huwa qaddej mikri — imma l-qaddej vera jagħti ħajtu. Li tagħti ħajtek tfisser anke li tiġi espost għall-periklu imma tifhem li l-ministeru tiegħek ma tabbandunahx. Il-Knisja f’Malta llum tilqagħkom bħala parti mill-kleru tagħha. Bl-Ordinazzjoni Djakonali llum intom tiġu inkardinati fid-djoċesi tagħna. Illum hemm rabta bejnkom, bejn l-Isqof u bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta, rabta li tibqa’ u li hija impenn ta’ ubbidjenza, imma min-naħa tad-djoċesi impenn ta’ sostenn mhux biss materjali imma fuq kollox spiritwali. 

    Bħala djakni msejħa biex ixxandru l-Kelma tal-Mulej u tridu titolbu li l-kelma tagħkom tkun kelma għal kulħadd  

    It-tieni mument hu meta Ġesù jgħid: “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb”. Hawnhekk jitkellem dwar l-għaqda tiegħu mal-Missier u l-għaqda tiegħu mal-merħla. “Jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi […] bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier” (Ġw10 14-15). L-intimità tagħna mal-merħla trid tkun intimità tant kbira li l-Mulej, biex ifissirha, jagħżel din l-immaġini: l-intimità tiegħu mal-Missier li huma ħaġa waħda.    

    U jerġa’ jinsisti: “Għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti” (Ġw 10:15). Il-preokkupazzjoni ta’ Ġesù f’dan il-mument hija wkoll il-komunjoni mhux biss tar-ragħaj mal-merħla, imma wkoll tal-merħla mar-ragħaj. Fil-fatt meta jitkellem fuq il-lupu jgħid: “Il-lupu jaħtaf in-nagħaġ u jxerridhom” (Ġw 10:12). L-għadu jipprova jifred il-merħla minn mar-ragħaj u r-ragħaj minn mal-merħla. Ġesù stess jgħid: “Tolqot ir-ragħaj biex ixxerred il-merħla” (ara Ġw 10:10). U l-Mulej jagħti ħajtu biex ikun hemm dan id-don ta’ komunjoni anke f’mumenti iebsa, f’mumenti fejn ir-ragħaj ma jridx jibża’ imma juri kuraġġ. Intom bħala djakni msejħa biex ixxandru l-Kelma tal-Mulej u tridu titolbu li l-kelma tagħkom tkun kelma għal kulħadd, b’imħabba għal kulħadd, imma tinsewx li se tkunu wkoll sinjal li jmeruh.   

    U hawnhekk niġu għat-tieni ħsieb. Il-Mulej jerġa’ jinsisti li hu r-Ragħaj it-Tajjeb għaliex aċċetta mingħand il-Missier l-ubbidjenza tas-salib. U dan irid ifisser meta jgħid: “Jien nagħti ħajti biex nerġa’ neħodha […] Dan hu l-kmand li ħadt mingħand Missieri” (Ġw 10 17-18). Aħna nafu li l-Mulej li ħa fuqu l-bixra u r-realtà tagħna ta’ qaddej, “sar ubbidjenti billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). U din il-ħaġa ma ġarrhiex kontra qalbu. Ħadd ma jeħodhieli iżda jien nagħtiha ħajti minn rajha” (Ġw 10:18). L-ubbidjenza tiegħu hija ubbidjenza bil-qalb u mill-qalb. Hija ubbidjenza kordjali li ġejja mill-qalb.  

    F’dan il-mument importanti intom imsejħin issiru parti mill-kleru glorjuż tal-Arċidjoċesi ta’ Malta; fejn ħajjitkom tkun immarkata bl-ubbidjenza li tgħaqqadkom ħafna drabi u ta’ spiss u kuljum mal-misteru tas-salib ta’ Ġesù u fiha wkoll il-wegħda tal-qawmien glorjuż tiegħu. Agħti ħajtek, fittex li l-kelma tiegħek iġġib l-għaqda fil-verità u fil-karità, għaqqad qalbek fl-ubbidjenza mas-salib ta’ Ġesù. Aħna nwegħdukom it-talb tagħna, is-sapport tagħna. Il-preżenza ta’ tant nies li jħobbukon hija xhieda. Jiena nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tagħkom li qegħdin joffrukom lill-Knisja, ħadu ħsiebkom u jibqgħu jieħdu ħsiebkom u aħna fihom naraw mhux biss kolonni ta’ sapport għalikom imma wkoll xhieda sabiħa tal-frott sabiħ tas-Sagrament taż-Żwieġ.   

    Illum ma nistax ma nitlobx lir-Ragħaj it-Tajjeb iberikna bil-vokazzjonijiet: il-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża imma wkoll il-vokazjonijiet għall-ħajja tas-Sagrament taż-Żwieġ. Dawn iż-żewġ sagramenti, l-Ordni u ż-żwieġ, jibnu l-Knisja. Dawn is-sagramenti huma s-sinsla tal-komunità. Għalhekk llum fl-offerta li qed jagħmlu l-ġenituri tagħkom billi jagħtu lil uliedhom għas-servizz tal-Knisja, il-Knisja tifraħ, tbierek lil Alla u tirringrazzjah u titolbu li jberikha b’iżjed għotjiet sbieħ bħal dawn.

    “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb, ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu”.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 4, 8-12
    Salm: 117 (118), 1.8-9.21-23.26.28ċd.29
    Qari II: 1 Ġw 3, 1-2
    Evanġelju: Ġw 10, 11-18
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace