L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“O Alla, int tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina.” Din it-talba hija talba antika, sa mis-seklu tmienja, u hija talba li ngħiduha proprju fil-Liturġija (Kolletta, 26 Ħadd tas-sena). Hija talba li tesprimi b’mod sabiħ ħafna kif il-maħfra ta’ Alla, il-ħniena li hu juri magħna, mhijiex turija ta’ dgħufija tiegħu, imma tas-setgħa tiegħu bla tarf.
Għalhekk nifhmu l-kliem ta’ Ġesù meta jgħid illum fl-Evanġelju: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Irid minna li aħna nkunu nixbhu lill-Missier fil-ħniena li nuru ma’ xulxin. Il-Mulej jagħtina prova tal-ħniena tiegħu. Fl-Iskrittura hemm ħafna episodji li juru l-ħniena ta’ Alla. L-aqwa, naturalment, hu meta bagħat lil Ibnu Ġesù, is-Salvatur tagħna, biex lilna jsalvana. U Ġesù stess fl-Evanġelju diversi drabi jagħtina din l-istampa tal-Missier li jħenn, li lesti li jilqa’ lill-midinbin u jurihom l-imħabba u l-ħniena tiegħu.
Hawnhekk Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, juża ħames kelmiet. Jgħid: Ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru, agħtu. Ġesù jridna nħennu għal xulxin, u jridna wkoll ma niġġudikawx u ma nikkundannawx. X’ifisser dan? Irid li l-ġudizzju tal-persuna, tal-qalb tagħha kif hi quddiem Alla, inħalluh f’idejn Alla. U r-raġuni hi li Alla biss jista’ jagħraf il-profondità tal-qalb u jaqra l-moħħ. Hu Alla li jaf l-istorja tal-persuna. Hu Alla li jafna b’mod sħiħ. Aħna kultant nafu biċċa, nafu dak li naraw minn barra. Għalhekk il-Mulej irid li nħallu l-ġudizzju f’idejh. U f’dan għamlilna l-aqwa pjaċir, għax ma nistgħux naslu għal ġudizzju verament tajjeb bħalma jista’ jasal hu.
Il-Mulej iridna wkoll naħfru u nagħtu. X’jiġfieri li aħna naħfru u nagħtu? Ġesù jurina bil-ħajja tiegħu u bit-tagħlim tiegħu kemm hu importanti li l-qalb tagħna ma tkunx qalb magħluqa. Ma nkunux magħluqin fina nfusna imma miftuħin għall-oħrajn b’mod li lesti li naħfru lil min hu ħati għalina, bħalma jagħmel il-Mulej magħna, u anke nagħtu, mhux niġbdu lejna. F’dan inkunu nixbhu lill-Mulej. Irridu niftakru li meta aħna naħfru u aħna nagħtu, dawn huma sinjali mhux ta’ dgħufija imma, anzi, tal-qawwa li jagħtina Alla biex inkunu nixbhuh.
Issa aħna jista’ jiġrilna li nagħmlu dil-mistoqsija: meta Ġesù jgħid “tiġġudikawx” u “tikkundannawx”, qed jgħid li aħna naraw dak li hu ħażin, nagħlqu għajnejna, u ngħidu “ma niġġudikawx, kulħadd jagħmel hu”? Mhux qed jgħid hekk Ġesù, u ma jridx li aħna dak li hu ħażin inħalluh għaddej. Ma jridx li aħna nagħlqu għajnejna għal dak li hu ħażin. Jekk jien, per eżempju, inkun naf b’xi abbuż li qed isir, ma nistax nibqa’ għaddej jew nagħlaq għajnejja u ngħid “mhux f’idejja, ma niġġudikax”. Irrid nieħu passi. Jekk jien nara s-serq, il-frodi, it-tberbiq tal-flus, kull tip ta’ abbuż u ħażen, irrid nieħu passi, inkella nkun jien ukoll kompliċi ma’ dak li hu ħażin. Ma nistax ngħid “ma niġġudikax”. Għalhekk għandna bżonn l-għerf ta’ Alla biex nagħrfu d-distinzjoni: ma niġġudikawx il-qalb tal-persuna kif hi quddiem Alla, imma rridu nieħu passi biex ikun hemm ġustizzja li hi fil-bażi tal-ordni soċjali, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Irridu nieħdu dawn il-passi. Għalhekk dejjem nagħmlu distinzjoni bejn il-persuna kif inhi quddiem Alla – dak jarah Alla – u dak li hemm bżonn li aħna naħdmu għalih hawn biex ikun hemm tassew il-ġustizzja, l-onestà, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, biex ikollna dawn is-sentimenti sbieħ fil-qalb tagħna, u li l-għemil ikun juri tassew li aħna rridu nixbhuh. Għalhekk illum nitolbuh: Mulej, agħtina qalb tixbah lil tiegħek.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta