L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni, int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti” (Salm 139:1-2). Dan is-Salm ifakkarni ħafna f’din il-ġrajja li smajna llum mill-Evanġelju skont San Luqa. Hawnhekk Ġesù kien qiegħed jara n-nies jitfgħu l-offerta tagħhom għat-tempju. Kien hemm l-għonja li, naturalment, tefgħu ħafna fit-teżor tat-tempju, u kien hemm waħda li tefgħet biċċtejn żgħar tal-flus. Ġesù ma rax biss l-ammont, dak li kien jidher minn barra, imma ra l-persuna, il-qalb tagħha, l-intenzjoni tagħha. Għalhekk jgħid: din “tefgħet aktar minnhom ilkoll” (Lq 21:3).
Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja qasira ħafna imma li tant tgħallimna għall-ħajja tagħna. X’ninnutaw l-ewwel nett f’din il-ġrajja? Li Alla jagħraf il-moħħ u l-qalb, ħafna aktar milli nistgħu nifhmu aħna l-persuni. Għalhekk dejjem ngħidu: il-ġudizzju f’idejn Alla. Għax Alla jagħraf l-istorja kollha tal-persuna. Din kienet armla. Dak iż-żmien persuna li tkun armla kien ifisser li jkollha ħafna żvantaġġi – diffikultajiet ekonomiċi, diffikultajiet soċjali, kienet waħda minn dawk fil-bżonn. Sadattant kellha din il-fiduċja kbira f’Alla – il-fiduċja kbira li Alla se jgħinha. Għalhekk riedet tkun ġeneruża u ġeneruża ħafna fl-offerta tagħha fit-tempju. Anke jekk l-ammont kien żgħir, Ġesù seta’ jagħraf il-moħħ u l-qalb, u kien jaf li dik kienet qiegħda titfa’ ħafna b’dak l-ammont żgħir tagħha.
Għalhekk tajjeb li niftakru li Alla jagħraf il-moħħ u l-qalb. Dan jgħinna, lilna, biex dak li nagħmlu nagħmluh dejjem b’sinċerità, b’intenzjoni tajba, li dejjem nagħrfu li Alla se jara anke dak li ma jidhirx, dak li qiegħed f’moħħna u f’qalbna. U li, għalhekk, f’idejh il-ġudizzji tal-persuni.
Din il-ġrajja turina wkoll kemm hu importanti li aħna naħdmu biex ikollna qalb ġeneruża. Ġeneruża, u fl-istess waqt b’fiduċja sħiħa f’Alla. Din l-armla kienet ġeneruża ħafna, imma kellha din il-fiduċja li Alla se jgħinha. Għalhekk għaqqdet flimkien il-qalb ġeneruża tagħha mal-fiduċja f’Alla. Kemm hu importanti li aħna wkoll, fil-ħajja tagħna, ikollna din il-qalb ġeneruża ma’ kull min hu fil-bżonn, u fl-istess waqt li jkollna din il-fiduċja li Alla jgħinna verament!
Turina wkoll din il-ġrajja ħaġa oħra importanti ħafna. Innutaw kif Ġesù ma qalx: din l-armla aħjar ma tefgħet xejn fit-tempju u rat x’kellha bżonn, la qiegħda fil-bżonn. Imma faħħar l-azzjoni tagħha. Għax dawn imorru flimkien: li int taħseb f’min hu fil-bżonn u li tgħin ukoll fit-tempju, għall-bżonnijiet ta’ qima lil Alla, dawn imorru flimkien. Kultant ikun hemm min jifridhom. Jgħidlek: l-importanti li taħseb f’min hu fil-bżonn, u jwarrab fil-ġenb il-qima li nagħtu lil Alla fit-tempju. Ġesù qatt ma firidhom. Hu jgħid li dawn imorru flimkien. Għalhekk faħħar lil din l-armla, għax hi fehmet li bl-offerta tagħha fit-teżor tat-tempju qed tagħti qima lil Alla, u tgħin fil-qima li tingħata lil Alla. Dawn imorru flimkien. Ġesu għallimna kif meta aħna nagħtu l-offerta tagħna, naħsbu wkoll f’min hu fil-bżonn, għax naraw lil Kristu wkoll f’dawk kollha li huma fil-bżonn. U nqimuh ukoll fil-persuna li hi fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-ġrajja sabiħa, biex aħna jkollna dejjem din il-qalb ġeneruża, qalb b’fiduċja f’Alla, u qalb li dejjem tqim lil Alla li lilna jieħu ħsiebna u jħarisna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




