L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu” (Atti 4:29). Dan hu li qrajna llum fl-Atti tal-Appostli – din it-talba li għamlu Pietru u Ġwanni u sħabhom, wara li kienu ġew mis-Sinedriju fejn qalulhom: tkomplux ixxandru li Ġesù huwa ħaj. U dawn, meta ltaqgħu flimkien, għamlu din it-talba: biex ikomplu jxandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu. Kif, fil-fatt, għamlu, s-silta tispiċċa hekk: “Bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu” (Atti 4:31).
Jien ġietni f’moħħi din is-silta meta qed nara lill-Papa Ljun XIV li jwassal il-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu. Jagħmel dan meta jitkellem fuq il-paċi, li għandna naħdmu lkoll kontra l-gwerer u l-konflitti li joħolqu tant vittmi; meta jitkellem f’isem il-vittmi innoċenti – f’isem it-tfal, li ma jaħtu xejn, u li qegħdin jispiċċaw vittmi – u tant nies oħra. Meta jitkellem favur dawn in-nies, il-Papa qed iwassal il-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu.
Għalhekk, titnikket meta tara ċerta kritika minn min imissu jaf aħjar, bi kliem ta’ disprezz lejn il-Papa, kliem tal-mistħija, għax il-Papa tkellem fuq dak li hu essenzjali fil-messaġġ tal-Għid. Ġesù Rxoxt, kull meta deher, dejjem qal: “Is-Sliem għalikom” (Ġwanni 20:19.20.26), iwassal il-paċi. Il-Papa fuq dan qed jitkellem. Kemm hu importanti li aħna, għalhekk, inkomplu ninsistu li l-kelma ta’ Alla għandha titwassal bil-kuraġġ kollu, bħalma qed jagħmel il-Papa minkejja kull oppożizzjoni minn nies li jmisshom jafu aħjar. Għax imissek taf li l-Papa qiegħed hemm biex iwassal il-messaġġ ta’ Ġesù, mhux biex jindaħal fil-politika jew jindaħal f’affarijiet oħra. Meta l-Papa qed iwassal dan il-messaġġ bil-kuraġġ kollu, għandu jsib l-appoġġ tagħna, ilkoll kemm aħna!

Dak hu li għamel Ġesù wkoll fl-Evanġelju llum. Iltaqa’ ma’ Nikodemu, wieħed mill-kbarat. Nikodemu kien sinċier għaliex, għalkemm kien wieħed mill-kbarat tal-Lhud, beda jara f’Ġesù xi ħaġa speċjali, u ried jiltaqa’ miegħu. U Ġesù, li jitlaqa’ ma’ kulħadd, hu min hu, hi min hi, iltaqa’ miegħu bil-lejl. Ma ltaqax miegħu bil-lejl għax dawk kienu l-ħinijiet meta tiltaqa’ s-soltu ma’ Ġesù, imma ltaqa’ miegħu bil-lejl għax, naturalment, Nikodemu ried imur hemmhekk fil-kwiet, fis-skiet, u ma jaf bih ħadd. Imma lil Nikodemu jgħidlu: “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla” (Ġw 3:3). Dan, għall-bidu, beda jaħseb x’jiġifieri titwieled mill-ġdid – tkun anzjan, terġa’ ssir tarbija? – imma mhux fuq hekk kien qed jitkellem Ġesù imma fuq it-twelid mill-ġdid bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla. Alla mbagħad jgħinna biex inħarsu b’mod ġdid lejn il-ħajja. Qed jgħid dan lil wieħed mill-kbarat tal-Lhud, wieħed mill-mexxejja reliġjużi – Nikodemu – u qed jgħidlu b’mod ċar: hekk trid tagħmel biex tara tassew is-Saltna ta’ Alla.
Dan hu l-messaġġ li jagħti lilna wkoll il-Mulej illum. Irridu aħna nitwieldu mill-ġdid f’dan is-sens: li nħallu l-Ispirtu ta’ Alla jibdel il-mod kif kultant nirraġunaw aħna, kif kultant naħsbu, biex tassew nirraġunaw kif irid Alla. U semmejt il-kwestjoni tal-gwerer għaliex tista’ tidħol mentalità li aħna nitkellmu fuq il-gwerra qisna qed nitkellmu fuq xi logħba, u ma nindunawx li l-gwerra toħloq dejjem dannu kbir mhux biss tal-ħsara li tagħmel imma n-nies li jispiċċaw vittmi. Huwa importanti li aħna nidħlu f’din il-mentalità tal-Mulej li jgħidilna: jien irrid nagħtikom il-paċi, jien irrid li intom tkunu strumenti tal-paċi, li twasslu din il-paċi – mhux tidħlu fil-mentalità ta’ konflitti, ta’ ġlied, u li jiddomina min hu l-aqwa. Il-Papa semma espressjoni interessanti ħafna: jgħid kemm hu importanti li aħna noqogħdu attenti minn min ikollu “d-delirju tal-omnipotenza”, jiġifieri li jitlagħlek għal rasek u taħseb li inti se tikkmanda lil kulħadd. Mentri Ġesù jgħallimna li aħna qegħdin biex tassew naqdu b’imħabba, b’ġenerożità, u li naħdmu tassew għall-ġid tal-bniedem.
Nitolbu lill-Mulej illum biex jgħinna nitwieldu mill-ġdid permezz tal-kelma tiegħu u tal-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, ħallli ħsibijietna u qalbna jkunu dejjem kif irid minna hu, u jkunu dejjem mimlijin tassew bl-Ispirtu tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




