****

Diretturi:         Chris Buck u Jennifer Lee

Ilħna:               Idina Menzel, Kristen Bell, Jonathan Groff, Josh Gad, Sterling K. Brown, Evan Rachel  Wood, Alfred Molina, Martha Plimpton, Jason Ritter u Rachel Matthews

Ħin tal-Film:    103 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             U

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  PG

Ir-Re Runeard, fundatur u l-ewwel re ta’  Arendelle,  stabbilixxa trattat mat-tribù ta’ Northuldra billi bnielhom diga fit-territorju tagħhom magħruf bħala: The Enchanted Forest. Sfortunatament, bejniethom faqqgħet ġlieda b’riżultat li l-ispirti tad-dinja: in-nar, l-arja u l-ilma li kienu jgħammru fil-foresta, rrabjaw ħafna tant li dawn sparixxew minn hemm u ħajt ta’ ċpar inkaxxa lil kulħadd fil-foresta. Il-Prinċep Agnari, iben ir-Re Runeard, b’xorti tajba u bl-għajnuna ta’ salvatur mhux magħruf, irnexxielu joħroġ minn hemm.

Iż-żmien igerbeb u tliet snin fuq l-inkurunazzjoni, ir-Reġina Elsa ta’ Arendelle kienet qegħda tiċċelebra l-ħarifa mal-Principessa Anna, oħta  ż-żgħira, Olaf, l-isnowman, Kristoff u Sven, ir-renna tiegħu. Meta Elsa tisma’  leħen misterjuż isejhilha, hi tmur fejn kienet semgħet il-leħen u bla ma riedet  qajjmet l-ispirti elementali li kkawżaw lil kull min kien jgħix fis-saltna biex jevakwa u jitilqu minn hemm.

Grand Pabbie , il-mexxej ta’ Trolls u t-tribu kollu jaslu ġewwa Arendelle ghax saru jafu bil-qagħda. Hu jinforma lil kulhadd li hemm bżonn li jsiru jafu l-verità kollha fuq il-passat tas-saltna. Sadanittant, Elsa, Anna, Olaf, Kristoff  u Sven jitilqu lejn lEnchanted Forest minn fejn kienet ġejja l-vuċi misterjuża. Ir-riħ, forma ta’ tromba beda jiknes kull ma jsib quddiemu iżda Elsa twaqqfu meta tispara borra li ffurmat numru ta’ statwetti skulturati.

B’hekk hi waqqfet il-ħsara li r-riħ seta’ jagħmel.  L-iskulturi kienu kollha forom ta’ xbiehat  ta’ missirijiethom u ommijiethom mill-passat, ommhom fil-fatt kienet Iduna, mara minn Northuldra u li kienet salvat lil Prinċep Agnari. Hawn jiltaqgħu wkoll ma’ truppa ta’ Northuldra u ġemgħa ta’ suldati minn Arendelle li kienu għadhom jiġġieldu bejniethom.  Elsa u Anna jirnexxilhom iġibu waqfien mill-ġlied billi spjegawlhom li ommhom kienet Northuldra, waqt li missierhom kien Arendelljan. Ftit wara, Elsa ssir taf li kien hemm il-ħames spirtu li kien kapaċi li jġib għaqda bejn il-popli u l-maġika fin-natura. Elsa tkompli l-vjaġġ tagħha lejn it-tramuntana flimkien ma’ Anna u Olaf. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, animat kompjuterizzat,  mużikali u mimli fantasija li żgur għandu jogħġob lil kulħadd kif għamel l-ewwel film fl-2013. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Chris Buck u Jennifer Lee, b’kitba ta’ Jennifer Lee, Chris Buck, Marc E. Smith u Robert Lopes. Film ħelu ħafna b’tagħlima pożittiva u ta’ min jirrikkmandah.