“Immorru ferħana f’dar il-Mulej” (S 121). L-aħħar jum ta’ Dun Annett bħal-lum 10 snin, kien jum imqalleb ta’ tbatija kbira għalih imma aħna nafuh u nirrispettawh fil-memorja tiegħu għas-serenità tiegħu, għall-ferħ tiegħu li kien jiġi minn bniedem li jaf jitgħallem jistrieħ fir-rieda ta’ Alla, li l-għan ta’ ħajtu kienet l-ubbidjenza lejn ir-rieda tal-Mulej. U t-tbissima ġentili tiegħu kienet mera ta’ din ir-ruħ retta u dixxiplinata, kif jgħidu l-Ingliżi ‘to a fault’, bħalma kienet il-lealtà tiegħu lejn is-superjuri tiegħu f’kull ċirkustanza u t-tbatija tiegħu kienet ukoll ġejja minn hemmhekk.

Meta kull l-ewwel Tnejn tal-Avvent naqraw dan l-Evanġelju, Mattew kapitlu 8 u nisma’ liċ-ċenturjun jispjega lil Ġesù: “Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor u jiena stess għandi s-suldati taħti; lil wieħed ngħidlu ‘Mur’ u jmur; lill-ieħor ngħidlu ‘ejja!’ u jiġi” (Mt 8:9), niftakar fl-isqof bħalma kien Dun Annett ukoll. Għax aħna ħafna drabi jkollna ngħaddu mill-esperjenza: li lil xi ħadd tgħidlu ‘mur’ u jiġi, u lil xi ħaddieħor tgħidlu ‘ejja’ u jmur.

Kien rispettat mhux biss f’Malta u Għawdex, imma wkoll madwar id-dinja, tista’ tgħid bħala kanonista mill-aqwa għall-kjarezza tiegħu, għal-lealtà tiegħu lejn il-Knisja

Jekk nidher quddiem Ġesù ma nistax ngħidlu l-kliem taċ-ċenturjun. Imma nista’ ngħidlu, bħalma kien jgħixha Dun Annett din, mhux jgħidha: “Jiena wkoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor”. Kien qaddej fidil u għaqli, idħol fil-hena ta’ sidek.

Hu għadda wkoll mill-purgatorju fuq din l-art mhux biss fil-lealtà tiegħu, fil-martirju tad-dover tiegħu, imma anke bil-marda li ħakmitu fl-aħħar snin ta’ ħajtu li ġabet magħha skonvenjenzi u umiljazzjonijiet imma ma telfitux imma mill-kjarezza tal-ħsieb u mid-dedikazzjoni.

“Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm; ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk” (S 121:6). U Dun Annett, kif bqajna nafuh, sar monsinjur u kien professur u isqof, Dun Annett jew Nettu imma dak għall-familja u għal sħabu tal-kors forsi. Kien iħobbha ’l Ġerusalemm fuq din l-art, il-Knisja u anke tas-sema, kien jixxennaq għaliha bil-qawwa kollha ta’ ħsiebu, ta’ qalbu, ta’ kliemu. “Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk. Minħabba ħuti u ħbiebi, ħallini ngħidlek: ‘is-sliem għalik’” (S 121 8.6). Tkun din it-tislima tagħna lejn raġel ta’ eżempju: “Minħabba ħuti u ħbiebi ħallini ngħidlek: ‘is-sliem għalik’”.

Kemm għandna bżonn spirti fil-Knisja bħalma kien dak ta’ Dun Annett.

“Minħabba f’dar il-Mulej Alla tagħna nixtieq illi jkollok il-ġid” (S 121 8-9), il-hena tas-sema, il-glorja mal-qaddisin, ma’ San Ġorġ u San Bastjan (ma nġelldu lil ħadd) u mal-qaddisin kollha. Kien devot ħafna ta’ Sant’Anna, ovvjament hu Annettu, il-mamà ta’ Marija, in-nanna ta’ Ġesù. U fl-uffiċċju għad hemm kwadru ħelu ta’ Sant’Anna tgħallem lill-Madonna. Min jaf kemm għallem ġenerazzjonijiet u kien rispettat mhux biss f’Malta u Għawdex, imma madwar id-dinja, tista’ tgħid bħala kanonista mill-aqwa għall-kjarezza tiegħu, għal-lealtà tiegħu lejn il-Knisja.

Għallimna nħobbu l-Knisja, it-tradizzjoni ta’ għerf miġbura fil-liġijiet tagħha. Imma kien u għaraf iħaddem il-liġi mal-pastorali; kien pijunier fl-istudju tat-Teoloġija Pastorali, kien jidher miftuħ għall-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II. Kemm għandna bżonn spirti fil-Knisja bħalma kien dak ta’ Dun Annett.

Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħ fis-sliem, Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa

L-Ewwel Qari: Iż 2:1-5
Salm: 121 (122):1-2.3-4a. 4b-5.6-7.8-9
L-Evanġelju: Mt 8:5-11

Aktar ritratti >>