L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ma kienx immissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” (Mt 18:33). Din hi l-mistoqsija li s-sinjur qal lill-qaddej li kellu jagħtih ħafna; għax is-somma ta’ għaxart elef talent hi somma enormi; impossibbli tħallasha. Din il-mistoqsija ta’ min niftakru fiha, kull darba li tiġina tentazzjoni li nwebbsu qalbna għal xi ħadd; li forsi jkun għamlilna deni, ikun għamlilna l-ħsara, ikun qal xi kelma iebsa fuqna, malafama jew ivvinta gidba fuqna – kalunja; jew għamlilna l-ħsara b’mod ieħor: bis-serq, bl-inġustizzja, forsi bi qtil. Aħna x’se nagħmlu? Niftakru f’din il-Kelma tal-Imgħallem: “Meta jien ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena” (18:32). Għax hekk jagħmel magħna Alla: Alla jaħfrilna. Lill-qaddej li kellu jagħtih għaxart elef talent, ma qallux kif talbu l-qaddej, ‘nagħtik ċans biex tħallashom’. Le; “ħafirlu dejnu” (Mt 18:27) u qallu: ‘Mur, m’għandek tagħtini xejn’.

Il-qaddej ma kellux il-wiċċ jgħidlu ‘aħfirli kollox’, imma qallu: tini ċans, “stabar ftit bija; kollox inroddlok” (Mt 18:26). Is-Sinjur ma qallux: ‘Mela le, nieħu paċenzja naqra oħra’. Le. ‘Id-dejn tiegħek maħfur, m’għandekx x’tagħtini’. Mela “meta jien ħfirtlek dak id-dejn kollu wara tlabtni bil-ħniena, ma kienx immissek inti wkoll tħenn (għal ħuk, għal oħtok,) għal sieħbek, kif ħennejt jien għalik” (Mt 18:32-33).

Kif ħenn għalih is-Sinjur? Ħafirlu d-dejn. Dan ħareġ, kien hemm wieħed li ried jagħtih mitt dinar, mitt ġurnata paga, mhux ftit; imma mhux għaxart elef talent; “u xeħtu l-ħabs” (Mt 18:30). Mhux talli ma ħafirlux dejn, mhux talli ma qalx, ‘nistenna, iva ma jimpurtax, imbagħad ħallasni’. Le, riedhom mill-ewwel, u tefgħu l-ħabs.

Il-Mulej kif tagħmel inti, jagħmel miegħek u ħafna iżjed bil-qalb.

“Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt 18:35). Kultant nibżgħu mill-Ġudizzju t’Alla. Min jaf kemm ħa joqgħod ifittixli x-xagħra fl-għaġina. Tinkwieta xejn, jekk inti taħfer bil-qalb. Trid tkun ċert mill-ġudizzju ħanin; hemm triq waħda: aħfer mill-qalb. Jekk ma taħfirx, jekk tbiegħed f’qalbek, jekk tibqa’ b’dak ir-rankur; allura qed tistedinha li jkollok ġudizzju; jiena wkoll, li jkollna ġudizzju aħrax. Hemm triq waħda biss li nħennu. Tgħidli: ‘Kemm hi iebsa’. Imma kemm hu iżjed iebes il-Ġudizzju t’Alla, li jara kollox u li jisma’ kollox; hu veru ħaj u fidil, u ma jitqarraqx. Allura naf fejn għandi npoġġi flusi, fejn għandi ninvesti: fil-ħniena. Kull meta naħfer lil xi ħadd, tgħidli: ‘Imma niftakar’; dak il-mument erġa’ aħfer, għax il-maħfra faċli tgħid ‘ħfirtlu’, imbagħad terġa’ tgħaddi ġimgħa, u terġa’ titbaqbaq. Tarah għaddej, jew ritratt tiegħu… ‘Hmm’. Kif nagħmlu aħna l-Maltin u l-Għawdxin: ‘Hmm, għaddej dan!’ Ieqaf, dik il-kelma tgħidhiex. Għidlu ‘Sinjur għinni naħfer’; u l-Mulej kif tagħmel inti, jagħmel miegħek u ħafna iżjed bil-qalb.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġoż 3, 7-10a.11.13-17
Salm: 113A (114) , 1-2.3-4.5-6
Evanġelju: Mt 18, 21 – 19, 1