L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Int, imma, xi tgħid?” (Ġw 8:5) Din hija l-mistoqsija li l-kittieba u l-Fariżej għamlu lil Ġesù fit-tempju meta ħadulu quddiemu mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Hemmhekk lil Ġesù riedu jonsbuh. Din mhijiex mistoqsija sinċiera, biex jieħdu l-parir tiegħu, biex jaraw x’jaħseb. Imma proprju kif jgħid l-Evanġelju, “biex iġarrrbuh” (Ġw 8:6). Ir-raġuni hi li l-Liġi ta’ Mosè kienet tgħid – bħalma nsibu fil-Ktieb tal-Levitiku (20:10) u d-Dewteronomju (22:22) – li nies bħal dawn għandhom iħaġġruhom. U għalhekk meta ġabulu lil din il-mara quddiemu, għamlu hekk biex Ġesù ma jkollux fejn b’xi mod jew ieħor jiċċaqlaq; jgħid x’jgħid, jagħmel pass falz. Jekk jgħidilhom “tħaġġruhiex”, jgħidulu: inti tridna ma nimxux skont il-liġi. U jekk jgħidilhom “ħaġġruha”, jgħidulu: fejn hi l-imħabba il-kompassjoni, il-maħfra li l-ħin kollu tgħallem?

Kienet sitwazzjoni diffiċli mhux għax staqsewh biex iġarrbuh – mhux l-ewwel darba li lil Ġesù staqsewh mistoqsija biex jaraw kif iwieġeb – imma għax hawn kellu quddiemu persuna: mara li kienet akkużata, imwerwra, f’xifer il-mewt; ftit ieħor u joqtluha. Kellu quddiemu dil-persuna, u kellu wkoll lil dawn in-nies ġa bil-ġebel f’idejhom, jiġifieri lesti biex iħaġġruha.

X’jagħmel Ġesù? L-ewwel qagħad kwiet, tbaxxa lejn l-art; l-Evanġelju jgħid li “beda jikteb b’sebgħu fit-trab” (Ġw 8:6), fil-kwiet. Meta huma baqgħu jistaqsuh, qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). Ġesù ma qalx: din mhix ħaġa ħażina, u toqogħdux iġġibuha bi kbira. Ma qalx hekk Ġesù. Imma Ġesù qalilhom: flok tħarsu lejn din il-mara, ħarsu lejkom infuskom l-ewwel, u araw kif intom quddiem Alla. Jekk intom ma għandkomx dnub, imbagħad tistgħu titkellmu fuq is-sitwazzjoni ta’ dil-mara. Ġesù qaleb is-sitwazzjoni: flok iħarsu lejn il-mara, ġegħilhom iħarsu lejhom infushom. U min-nies li jakkużaw, ħassew ruħhom bħala nies akkużati. U għalhekk bil-mod il-mod telqu.

Imbagħad Ġesù baqa’ waħdu ma’ din il-mara. Lilha jgħidilha xi ħaġa importanti ħafna: “Anqas jien ma nikkundannak…mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11). Mela f’Ġesù l-mara sabet is-salvatur tagħha – dak li salvaha minn dawn in-nies li kienu lesti biex iħaġġruha, salvalha ħajjitha; imma dak li salvaha wkoll mid-dnub tagħha, minn dak li f’ħajjitha kien qed ifixkilha u jġegħilha tmur f’direzzjoni żbaljata. Għalhekk Ġesù lilha, bl-imħabba tiegħu, bil-maħfra tiegħu, reġa’ taha lura d-dinjità.

Għandna ħafna x’nitgħallmu għall-ħajja tagħna minn din il-ġrajja. L-ewwel nett, li aħna, li lkoll midinbin, nersqu lejn Ġesù biex isalvana. Ġesù lilna jagħtina l-maħfra, l-imħabba tiegħu, u jsalvana mid-dnub tagħna. Imma Ġesù jgħidilna wkoll bħalma qal lil din il-mara: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”. Innutaw li Ġesù ma qalilhiex: Mur u kompli għix bl-istil ta’ ħajja li għażilt, ladarba għażilt hekk. Ma qalilhiex hekk. Il-ħażin Ġesù baqa’ jgħidlu ħażin. “Tidnibx iżjed”, qalilha. Anke lilna Ġesù jaħfrilna, jagħtina l-grazzja tiegħu, jimliena bl-imħabba tiegħu, imma biex jgħinna nimxu fid-direzzjoni t-tajba, mhux biex aħna niġġustifikaw ruħna fil-ħażen tagħna. Imbagħad Ġesù jridna li meta nħarsu lejn l-oħrajn, ma nkunux bil-ġebel f’idejna lesti biex inħaġġruhom, jew biex insallbuhom; filwaqt li l-ħażin inkomplu ngħidulu ħażin. Din hi d-distinzjoni li dejjem jagħmel Ġesù bejn il-bniedem – li aħna għandna dejjem nippruvaw inressquh lejn il-maħfra ta’ Alla – u l-ħażin li rridu nkomplu nsejħulu b’ismu – ħażin – u rridu naħdmu wkoll kontra l-ħażen.

Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-maħfra li jagħtina, talli jerġa’ jagħtina l-grazzja biex nitħabbu ma’ Alla u jagħtina lura d-dinjità fil-ħajja tagħna. U nitolbuh ukoll biex aħna ma nkunux nies li lill-oħrajn inħaġġruhom imma li nippruvaw inressquhom lejn il-maħfra ta’ Alla, filwaqt li l-ħażin inkomplu dejjem insejħulu b’ismu – ħażin – u qatt ma niġġustifikaw ruħna fil-ħażen.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta