L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Sant’Injazju ta’ Loyola, minn Spanja, miet proprju fil-31 ta’ Lulju tal-1556. Hu magħruf bħala l-fundatur tas-Soċjetà ta’ Ġesù, li nafuha bħala l-Kongregazzjoni tal-Ġiżwiti, u bniedem li għamel ġid kbir lill-Knisja.

Hi interessanti ħafna l-istorja tal-bidla li seħħet f’ħajtu. Hu kien suldat, anzi kien kaptan, u fil-battalja ta’ Pamplona kontra l-Franċiżi, fl-1521, spiċċa ndarab serjament u ħaduh imbagħad għall-kura fil-kastell tal-familja tiegħu f’Loyola. Hemmhekk kellu jbati ħafna, minħabba li kellu jagħmlulu diversi operazzjonijiet għax kien midrub serjament.

Imma meta beda ġej għall-aħjar, u beda jirkupra, talab li jagħtuh xi kotba minn dawk li kien iħobb jaqra. Kienu rumanzi kavallereski ta’ nies magħrufa, u hu li kien bniedem ta’ ambizzjoni kbira, kien iħobb jaqra dawn il-kotba. Imma fil-kastell ma kienx hemm minn dawn il-kotba. U tawh żewġ kotba differenti: Il-Ħajja ta’ Kristu u Ward il-Qaddisin.

Hu u jaqra dawn il-kotba, seħħet bidla fil-ħajja tiegħu. Beda jgħid: Jien ma nistax nagħmel xi ħaġa bħalma għamlu San Franġisk u San Duminku, xi ħaġa kbira għal Kristu? U daqqa beda jimtela b’entużjażmu għal dan, mumenti oħra beda jaħseb fl-ambizzjonijiet ta’ qabel. Għalhekk kellu taqlib ta’ ħsibijiet. Imma hu u jirrifletti, beda jinnota li meta l-ħsieb tiegħu kien imur fuq il-ħwejjeġ tad-dinja u l-ambizzjonijiet tiegħu, kien iħossu kuntent dak il-ħin imma meta jgħaddu, iħoss vojt u dwejjaq; mentri meta jaħseb fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, beda jħoss ferħ u hena li tibqa’. Allura dan għenu biex jagħmel dak id-dixxerniment, li l-Ġiżwiti baqgħu magħrufin għalih, li jagħraf fejn qiegħed Alla u x’irid Alla minnu fil-ġrajja tal-ħajja tiegħu. Hemmhekk, meta fieq, iddeċieda li jiddedika ruħu kollu kemm hu “għall-akbar glorja ta’ Alla” – dan li baqa’ mbagħad il-motto tal-Ġiżwiti.

Għamel imbagħad sentejn f’Manresa, miġbur fit-talb. Fil-fatt, il-pittura li għandna hawnhekk fil-kappella turih proprju hemmhekk, meta kien Manresa u hemm kiteb il-ktieb l-aktar magħruf, l-Eżerċizzi Spiritwali, li fl-Istorja tal-Knisja kien ta’ għajnuna kbira għall-għerf spiritwali u għen ukoll ħafna nies biex jagħrfu d-direzzjoni tal-ħajja tagħhom permezz tal-Eżerċizzi Spiritwali.  Imbagħad, iddeċieda li jkompli jistudja l-Università, ħalli jkollu formazzjoni tajba, u kien hemmhekk li ltaqa’ ma’ wħud minn sħabu li ffurmaw l-ewwel grupp ta’ Ġiżwiti. Eventwalment fl-1540 il-Kongregazzjoni kienet approvata mill-Papa. L-iskop tagħhom kien it-tixrid tal-kelma ta’ Alla, bi spirtu missjunarju, u anke li jkunu għas-servizz tal-Papa. Hu kien magħżul bħala l-ewwel Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti u baqa’ jmexxi l-Ġiżwiti sal-aħħar ta’ ħajtu. Wara l-mewt tiegħu, għal ħafna snin, il-Ġizwiti xterdu mad-dinja kollha, u għadhom sal-lum jagħtu l-kontribut tagħhom f’ħidma f’diversi oqsma, speċjalment fil-kamp tal-edukazzjoni u tal-promozzjoni tal-ġustizzja.

Sant’Injazju jgħallimna ħafna għall-ħajja tagħna. Jgħinna biex aħna nagħrfu kemm hi importanti l-kontemplazzjoni fl-azzjoni, li tfisser li nagħrfu lil Alla preżenti fil-ġrajja tal-ħajja tagħna u fl-istorja. Alla qiegħed hemm, u nagħrfu s-sinjali tiegħu. Nagħrfu li hu Alla li jimla lil qalb tagħna, li jgħinna biex nagħmlu d-dixxerniment, biex nagħrfu tassew it-triq li jurina hu; u nistgħu mbagħad, bħal Sant’Injazju, niddedikaw ruħna b’ħeġġa u b’entużjażmu, skont is-sejħa tagħna, dejjem għall-akbar glorja ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju